L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, ordnat biex jitpoġġew kontenituri tal-iskart f’Kemmuna, wara li fl-aħħar jiem daħlu diversi rapporti dwar skart eċċessiv.
Fi stqarrija l-ERA qalet ukoll li qiegħda f’diskussjonijiet mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li hija responsabbli mil-liċenzjar tal-operaturi f’Kemmuna, biex ikun hemm miżuri imposti biex is-sitwazzjoni ma terġax tirrepeti ruħha. Hemm ukoll diskussjonijiet mal-Ministeru għal Għawdex biex ikun hemm skeda adekwata għal Kemmuna.
Ambjent Malta bħalissa qed twettaq assessjar tas-sitwazzjoni tal-iskart f’Kemmuna qabel jibda wkoll it-tindif tal-iskart li għad hemm. Dan apparti li hemm il-ħsieb li tiżdied is-sorveljanza fuq il-gżira fil-jiem li ġejjin.
L-ERA temmet tappella l-pubbliku u l-operaturi kollha biex jiddisponu mill-iskart fil-kontenituri adekwati, biex inħarsu l-ambjent naturali.