L-ewwel film Malti li għamel isem fil-festival internazzjonali tal-films Sundance u saħħar tant, illi issa, udjenzi internazzjonali qed jisperaw għal aktar films Maltin fis-suq.
Il-film Luzzu issa qed jissemma wkoll għall-Premju Ewropew għall-Films, u jlaqqana ma’ Jesmark, sajjied li biex ikun jista’ jmantni lill-familja, dar għall-black market tal-ħut biex ikollu qligħ.
Ma’ ONE News, id-Direttur tal-film Alex Camilleri, imrobbi l-Istati Uniti, spjega s-sinifikat li film lokali u indipendenti jintwera barra minn Malta.
Huwa qalilna, “We were the first Maltese film to play there and we won an award for Jesmark’s acting. I grew up in the States and often feel like the first and last Maltese person people there will meet, especially in the middle of the US. We knew the film would be, for many people, the first Maltese film people will see.”
Mistoqsi dwar kummenti li spikkaw mill-barranin dwar Luzzu, Camilleri qal hekk: “I think the most common response that we saw, from many, was “I never even knew what Malta is, and now I can’t get this place out of my mind”. The film seems to have launched people’s imagination and people are even Googling.”
Iltqajna wkoll ma’ Jesmark Scicluna, sajjied Malti li huwa l-protagonist tal-film, li magħna stqarr is-sodisfazzjon li ntefa’ dawl fuq din is-sengħa Maltija.
Huwa qalilna, “Kien hemm dak l-aspett li int urejt lil Malta u ħajtek minn angolu li forsi mhux kulħadd jimmaġinah, għalkemm nemmen li bl-istorja tal-film ilqatna ħafna mill-popolazzjoni tad-dinja bħala familji u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.”
Spjega wkoll kif il-film jitfa’ dawl fuq sfida partikolari li jaffaċċjaw is-sajjieda Ewropej, li huma marbuta b’liġi li jarmu lura ħut li jinqabad mejjet, jew difettuż.
Scicluna sostna: “Kultant tiġi kkritikata li s-sajjied jarmi l-ħuta, meta fil-verità ma jkollux għażla oħra. U jekk b’dan il-punt biss titqajjem kuxjenza mhux Malta biss imma anke fl-Ewropa, jekk ikun hemm tibdiliet minn dan l-aspett, tgħin.”
Il-Produttur tal-film Rebecca Anastasi spjegat li l-industrija tal-films maħduma mill-Maltin għall-Maltin għadha fil-bidu tagħha, u allura r-riżorsi jafu jkunu limitati. Minkejja dan sabu l-appoġġ li kellhom bżonn biex il-film jinħadem u jkun ta’ suċċess.
Hija tenniet: “Kellna appoġġ finanzjarju anke mill-Malta Film Commission u Screen Malta. Kellna il-production fund u anke l-cash rebate ta’ Malta, li mingħajrhom ma tistax taħdem hawnhekk. Wieħed mill-aħjar crews tad-dinja u jaħdmu ma produzzjonijiet barranin ukoll.”
U jidher li Luzzu kien l-aqwa preludju għal pajjiżna, hekk kif bosta ħallew lit-tim Malti b’dan il-messaġġ: “Qed jisperaw ħafna li jkun hemm aktar films Maltin għaliex hemm ftit. Xi ħaġa li semmew kienet li ‘we hope to see more Maltese films emerge from the land’.”
Luzzu se jibda jintwera lil udjenzi lokali fit-8 ta’ Settembru li ġej.