Miktub minn Mikis Theodorakis, il-Kompożitur prolifiku Grieg li ħalliena fl-età ta’ sitta u disgħin sena.
Theodorakis kien ikkummissjonat biex jikteb dan l-innu mill-Gvern ta’ Mintoff li ried jagħmel festi speċjali li jimmarkaw l-għeluq tal-bażi militari Ingliża fil-31 ta’ Marzu tal-1979.
L-innu tal-Ħelsien baqa’ wieħed popolari u mal-ewwel intgħoġob.
F’dokumentarju li ONE xandar f’għeluq l-erbgħin sena mill-kisba tal-ħelsien, Maria Camilleri, li dakinhar tal-lejla li fiha niżlet xita qliel kienet preżenti, meta niżlet il-bandiera tar-Renju Unit u flokha telgħet il-bajda u l-ħamra, kien qalet hekk dwar l-innu ta’ Theodorakis.
Hija qalet, “Dan riedu bi stil qisu militari u niftakar kienu jsemmgħulu t-tapes. Niftakar l-ewwel darba li semgħu qal, hawn sejrin għal mejtin qisna xi funeral għax hu dejjem riedu li jkun marċ militari.”
Saviour Deguara, li kien Segretarju privat ta’ Mintoff dik il-ħabta tal-Ħelsien kien qalilna li Mintoff ried jagħti d-daqqa tiegħu fuq il-kapulavur ta’ Theodorakis.
Huwa kien stqarr: “Qal isma’ hawnhekk it-trombi jridu jkunu iktar forte u nsomma spiċċa li s-Surmast tal-banda spiċċa kważi l-Prim Ministru Mintoff ukoll, ara kemm kien jidħol fid-dettall u kemm kienet għal qalbu dik il-ġurnata.”
Mikis Theodorakis miet fi sptar f’Ateni.
Missier u omm Theodorakis kienu minn Kreta u fi żmien it-tieni gwerra dinjija huwa kien parti minn grupp ta’ reżistenza kontra l-qawwiet Ġermaniżi u Taljani.
Meta kien hemm il-Gvern dittatorjali tal-Kurunelli, Theodorakis kien ġie arrestat minħabba l-fehmiet xellugin tiegħu.
Huwa kien inħeles u anki mar Pariġi sakemm irritorna fil-Greċja u ngħata merħba ta’ eroj meta spiċċa l-Gvern awtokratiku.
Huwa kiteb bosta innijiet, sinfoniji, kantati, opri u anki mużika għall-films, fosthom Zorba The Greek, li bih għamel isem mad-dinja.