F’Jum il-Vitorja, Heritage Malta se tkun qed tiftaħ il-bibien tal-Forti ta’ Sant’Anġlu bi prezz ridott ta’ €2. Il-prezz jinkludi wkoll aċċess għall-partijiet ta’ fuq tal-forti li huma amministrati mill-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta.
Dan l-avveniment qed isir fil-festa tal-Vitorja hija waħda mill-aktar jiem speċjali fil-kalendarju nazzjonali, billi f’din id-data Malta tfakkar it-trijonf tagħha f’żewġ avvenimenti storiċi. L-ewwel ġrajja hija dik li seħħet fit-8 ta’ Settembru 1565, meta l-armata Ottomana rtirat mill-attakk qawwi li kienet ilha tagħmel fuq Malta għal tliet xhur sħaħ tul l-Assedju l-Kbir.
Din il-festa timmarka wkoll il-jum li fih l-armistizju tar-reġim Faxxista fl-Italja sar pubbliku fl-1943, u b’hekk Malta setgħet tieħu ftit tan-nifs wara l-eqqel żminijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija. Ta’ min jinnota li t-twelid tal-Verġni Marija huwa wkoll iċċelebrat f’din id-data.
Bħala tifkira ta’ din il-festa hekk importanti, Heritage Malta ħejjiet programm ta’ attivitajiet fil-Forti Sant’Anġlu. Il-forti se jinfetaħ fid-9:00am. Fil-Kappella tat-Twelid tal-Verġni Marija tiġi ċċelebrata quddiesa fl-10:00am. Wara ssir kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Assedju l-Kbir, bis-sehem tal-Kumitat Festi Nazzjonali.
Il-Forti Sant’Anġlu jibqa’ miftuħ għall-bqija tal-jum bi prezz imraħħas ta’ €2. Il-bibien jingħalqu fil-17:00, bl-aħħar dħul ikun fl-16:30. Il-biljetti mraħħsa jistgħu jinqatgħu biss mal-bieb. Membri ta’ Heritage Malta u persuni li għandhom il-Passaport ta’ Heritage Malta tal-Istudenti jew tal-Anzjani jidħlu bla ħlas billi juru d-dokumenti rispettivi tagħhom.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur is-sit ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org jew il-paġna uffiċjali tal-aġenzija fuq Facebook.