25 Kunsill Lokali madwar Malta gawdew minn €1.3 miljun taħt l-iskema għal proġetti relatati mal-Aċċessibilità u Mobilità.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Università l-Antika fil-Belt mill-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera.
Il-Ministru Herrera saħaq li kull persuna għandha d-dritt li tgħix ħajja libera u indipendenti u b’hekk l-aċċessibilità adegwata fil-lokalità hija kruċjali għar-residenti sabiex dawn ikollhom l-abbiltà li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum.
Huwa spjega x’jinkludu wħud mill-proġetti tiswija ta’ fosthom pavimentar, riġenerazzjoni ta’ pjazzez, twaqqif ta’ Respite Centre u tpoġġija ta’ open air gym u bandli.
Qal, “L-idea hija li l-Kunsilli Lokali tagħna, l-Gvern Lokali tagħna jkun aktar viċin in-nies u biex ikun aktar viċin in-nies irid jipprovdi aktar aċċessibilità u mobilità. Hemm pereżempju l-Marsa naf li l-proġett tagħhom huwa li jkollhom vetturi tal-elettriku biex l-anzjani tagħna li ma jkunux jifilħu jmorru minn post għall-ieħor jużaw proġett b’xejn mill-Kunsill Lokali.”
Il-Ministru Herrera ħabbar ukoll li wara l-konkorrenza qawwija mill-Kunsilli Lokali bi proġetti innovattivi favur ir-residenti, issa din l-iskema ser terġa’ tinħareġ l-iskema b’valur ta’ ’l fuq minn miljun ewro.
Huwa tenna li dawn il-proġetti ser iwasslu għal aktar inklużjoni soċjali, żieda fl-aċċessibilità, kif ukoll ser jintlaħaq livell ogħla ta’ indipendenza u libertà għar-residenti u l-persuni li jaħdmu fil-lokalità, speċjalment dawk bi ħtiġijiet speċjali u vulnerabbli.