B’investiment ta’ €92,000, it-teatru Salesjan f’Tas-Sliema, li huwa wieħed mill-eqdem teatri f’pajjiżna, qed jiġi rinovat.
Dawn ix-xogħlijiet qed isiru permezz tal-Fond għall-Ippjanar ta’ Żvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Dan ix-xogħol se jkopri l-ispejjeż assoċjati mar-restawr t’apperturi kollha li jdawru l-bini, xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċata u xogħlijiet fuq il-ġnien tul in-naħa tat-teatru.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal kif l-investiment fil-kultura u fl-arti huwa importanti wkoll.
Qal, “Huwa l-mod ta’ kif allura dawn il-fondi tal-Planning Authority qed intejbu l-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin u qed ngħinu wkoll NGOs, Kunsilli Lokali u entitajiet oħrajn biex jgħinuna f’din il-mixja illi ħadna.”
Iċ-Chairperson tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp, il-Perit Vincent Cassar fisser kif ir-responsabiltà li tippreserva l-wirt mibni hija waħda kbira.
Qal, “L-Awtorità daħlet ukoll għal dan dan l-impenn u qegħda tagħti s-somma ta’ madwar €100,000 għal dan il-proġett, illi huwa proġett kulturali u edukattiv.”