Ix-xogħlijiet ta’ restawr f’wieħed mill-kurituri tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt waslu fi stadju avvanzat.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel il-President ta’ Malta, George Vella fuq il-lant tax-xogħol.
Dan ix-xogħol qed isir b’investiment ta’ €28 miljun li huma ko-finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Dan il-proġett qed jitqies bħala l-akbar proġett ta’ restawr f’pajjiżna.
Bħalissa beda jinkixef ix-xogħol estensiv ta’ restawr fis-suffett, il-ħitan tal-kuruturi u anke l-art tal-irħam tal-Piano Nobile.
Fost ix-xogħlijiet li saru hemm ir-restawr tas-suffett impitter minn Niccolò Nasoni tas-seklu tmintax.
Dwar dan il-proġett tkellimna mal-Perit responsabbli tal-proġett, David Zahra.
Qal, “Fost l-affarijiet interessanti li sibna, barra l-kulur oriġinali li sibna li issa qed nirrepplikawh fuq il-ħitan, sibna wkoll armi eraldiċi. Ukoll vista ta’ flamingu u xena tal-baħar, kif ukoll wara l-luneti mpittra, jiġifieri wara l-lenti tal-canvas, meta qlajnihom u bdejna nneħħu ż-żebgħa, sibna wkoll żebgħa mpittra mal-ħitan. Allura din tinsab imferxa mal-erba’ naħat tal-kurituri.”
Huwa spjega wkoll kif it-tila tal-arti mpittra mas-suffett ġiet imsaħħa, hekk kif tfasslet sistema ġdida ta’ kif jitwaħħlu lura dawn is-suffetti.
Dan sabiex meta tinqala’ l-ħtieġa ta’ manutezzjoni u restawr fil-ġejjieni, tkun aktar faċli sabiex wieħed jaħdem.
F’kummenti lill-midja, il-President George Vella qal kif dan il-proġett se jkun qed jagħti l-ħajja lil dan il-Palazz u l-kurituri li minnhom tmexxa l-pajjiż għal madwar ħames mitt sena.
Qal, “Il-wirt kbir li għandna kulturali f’dan il-pajjiż u ħasra li kien hemm żminijiet, għar-raġuni jew oħra kien qed jiġi traskuratt. Il-lum il-ġurnata dan qed jerġa’ pprestinat għal stat oriġinali tiegħu u m’għandiex dubju li ftit żmien ħa jerġa’ jkun miftuħ biex titgawda, kemm mill-Maltin u anke mill-barranin.”
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Kultura José Herrera, li semma kif dan huwa proġett ambizzjuz, fejn sa April sas-sena d-dieħla se jkun tlesta x-xogħol kollu fil-kurituri.
Dan filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dawn il-fondi qed ikun restawrat il-patrimonju ta’ pajjiżna.