B’nofs miljun ewro, start-up lokali bl-isem ta’ Clean Sheets Laundry iddiversifikat l-operat tagħha billi investiet f’makkinarju u fil-faċilità tagħha stess u minħabba f’hekk din l-azjenda impjegat tnax-il persuna.
Iżda dan mhux biss għaliex il-proċess ta’ reklutaġġ għadu mhux mitmum peress li kulma jmur, in-numru ta’ klijenti komplew jiżdiedu.
In-negozju li joffri servizz ta’ laundry fuq skala kummerċjali u domestika beda jaħdem fl-elfejn u dsatax.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Aaron Xuereb spjega kif l-azjenda ma qatgħetx qalbha minkejja l-pandemija u qed tħares ’il quddiem biex il-faċilità tan-negozju tkompli tikber.
Qal, “Bis-saħħa tal-għajnuna tal-Gvern, bil-Wage Supplement Scheme, bl-għajnuna fuq il-kontijiet tad-dawl u fuq il-kirjiet, irnexxielna nirbħu din l-isfida u llum il-ġurnata, din is-sena hija, sena bieżla ħafna u qed nippjanaw li fit-tliet snin li ġejjin ħa nkomplu nikbru u x-xogol ikompli jissaħħaħ.”
Il-Manager Operattiv tal-istart-up, Stanley Zammit spjega li l-pandemija serviet ta’ perjodu diffiċli fejn in-negozju kellu biss żewġ ħaddiema iżda llum il-ġurnata s-sitwazzjoni hija għal kollox differenti.
Spjega, “Kif imbagħad il-pandemija bdiet ittaffi f’Lulju tat-’20 bdejna nerġgħu nimpjegaw in-nies. Illum il-ġurnata ngħoddu tnax u li kieku jitfaċċaw naħseb tmienja sa għaxra oħra, għandi biex inħaddimhom.”
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri stqarr li dan l-investiment minn start-up huwa simbolu tal-fiduċja tal-investituri fir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija.
Qal, “Li kien hemm in-negozji li serrħu rashom li waqt il-mumenti iebsa ħa jkollok il-Gvern jissapportjahom, dawn bdew jinvestu u l-istatistika dik li turina li l-ekonomija qiegħda tkompli tikber u għalhekk l-impjiegi tal-ħaddiema kienu mhux biss assigurati imma nħolqu impjiegi ġodda. Hawnhekk qed naraw kif kien hemm diversifikazzjoni tal-operat, investiment ta’ nofs miljun ewro li eventwalment wassal sabiex kumpanija żgħira ta’ żewġ persuni llum timpjega, f’sentejn, tnax-il persuna.”