Raġel ta’ 32 sena mill-Furjana ġie arrestat b’rabta ma’ xi serqiet li allegatament wettaq.
L-ewwel allegat serqa saret fl-24 ta’ Mejju minn stabbiliment fil-Qawra. Il-pulizija ġew infurmati għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, li persuna mhiex magħrufa serqet Ipad. L-għada, għal xi l-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar, il-pulizija ġew infurmati li seħħet serqa simili ta’ Ipad, din id-darba minn stabbiliment f’Tas-Sliema.
Wara li ġew elevati filmati minn kameras tas-sigurtà tal-ħwienet, il-pulizija stabilixxew lidentità tal-allegat ħalliel, li fiż-żewġ każijiet, kien l-istess wieħed. Għaldaqstant, saret tfittxija għalih u kien arrestat ilbieraħ wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Distretti tal-Qawra u Tas-Sliema.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, u mistenni jitressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia, għall-ħabta tal-għaxra u nofs.