Malta u Slovenja kellhom taħdidiet dwar ir-reġjun Ewro-Mediterranju u l-involviment taż-żewġ pajjiżi bil-ħsieb li jkun hemm ħidma dejjem iżjed attiva b’riżq dan ir-reġjun.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fejn ġie spjegat kif iż-żewġ pajjiżi ddiskutew il-patt dwar l-immigrazzjoni u l-ażil fid-dawl ta’ sfidi li ilhom magħna fil-fruntieri Ewropej u anke b’rabta ma’ fenomeni li qed jiżvolġu bħalma hija l-kwistjoni tal-Afganistan.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo mexxa dawn it-taħditiet f’laqgħat bilaterali mal-President tar-Repubblika Slovena, l-ET Borut Pahor; mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja, Anže Logar, u mal-President tal-Assemblea Nazzjonali, Igor Zorčič, fil-Kapitali Ljubljana.
Flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Sloven, il-Ministru Bartolo ddiskuta l-aspettattivi marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew li bħalissa tinsab f’idejn ir-Repubblika Slovena.
L-istqarrija żiedet tgħid kif il-Ministru Bartolo kellu wkoll laqgħa ta’ korteżija mal-President Sloven li matulha ġiet diskussa s-sitwazzjoni fiż-żewġ pajjiżi b’rabta mal-pandemija u sitwazzjonijiet li qed jevolvu f’reġjuni varji madwar id-dinja.
Tul il-laqgħa mal-President tal-Assemblea Nazzjonali ġew diskussa wkoll il-possibilitajiet ta’ koperazzjoni bejn il-Kamra tar-Rappreżentanti Slovena u dik Maltija.
Intant, is-Segretarju Permanenti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, is-Sur Christopher Cutajar akkumpanja lil Ministru Bartolo tul din iż-żjara, u kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju tal-Istat Gašper Dovžan, li matulha ddiskutew aspetti ta’ kollaborazzjoni fuq livell internazzjonali, b’mod speċjali b’rabta mat-temi li se jkunu qed jingħataw prijorità tul il-Presidenza Slovena tal-Kunsill Ewropew.