Relikwa ta’ San Duminku li tinżamm fil-Monasteru tas-Sorijiet Dumnikani ta’ Monte Mario f’Ruma, inġiebet Malta s-Sibt li għadda u tul dawn il-jiem tinsab fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata fil-Birgu.
Dan bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tat-tmien ċentinarju mill-mewt ta’ San Duminku.
Patri Aaron Zahra, li huwa l-pirjol tal-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata fil-Birgu spjega li l-qtugħ f’parti mill-Kranju ta’ San Duminku sar lura fl-elf seba’ mija u erbgħa u tmenin fil-preżenza tal-Arċisqof Gionnetti, żewġ deputati senaturi u persuni oħra.
Meta l-qawwiet ta’ Napuljun ħabtu għad-Dukat ta’ Parma, il-Prinċipessa Carlotta, bint id-Duka, ġiet imġiegħla tabbanduna Colorno biex issib kenn f’Ruma fil-monasteru ta’ San Duminku.
Il-prinċipessa ħadet magħha r-relikwi ta’ San Duminku, li baqgħu hemm sas-sena elf disa’ mija u waħda.
Qal, “Il-fdalijiet ta’ San Duminku dejjem kienu taħt il-protezzjoni tal-Ordni u l-patrijiet. Jigifieri qatt ma ntelqu x’imkien jew ittieħdu minn idejhom. Dejjem baqa’ taħt il-protezzjoni tal-Ordni. Allura m’għandi l-ebda dubju dwar l-awtentiċità tar-relikwi, il-fdalijiet ta’ missierna San Duminku.”
Il-pirjol spjega li għal din l-okkażjoni, it-toroq madwar il-Knisja Dumnika fil-Birgu żżejnu bil-pavaljuni.
Spjega, “Il-Festi Ċentinarji se jkomplu għax l-Ordni meta ġie ċċelebrat iċ-ċentinarju ta’ San Duminku spjegat li għandu jiftaħ fis-6 ta’ Jannar, 2021 u jintemm fis-6 ta’ Jannar 2022. Jekk Alla jrid f’Jannar ikollna festa speċjali biex nagħlqu din is-sena ċentinarja”.
Il-qofol tal-festi solenni jintlaħaq fil-jum tal-festa, fejn isir l-għasar pontifikali solenni mmexxi mill-kardinal Ingliż Fitzgerald.