Mara ta’ 38 sena li m’għandhiex saqaf fuq rasha u ssofri bi problemi ta’ saħħa mentali, baqgħet tinżamm arrestata sakemm isir ir-rapport ta’ qabel is-sentenza, wara li ammettiet li serqet oġġetti b’valur ta’ eluf ta’ ewro.
Il-mara, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tressqet quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, akkużata b’serq aggravat u li kellha fil-pussess tagħha oġġetti misruqa.
Huwa mifhum li l-mara serqet aktar minn elfejn ewro mingħand diversi persuni.
Fil-Qorti ngħad li l-mara għandha l-vizzju tad-droga.
F’dan il-każ ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest peress li l-mara m’għandhiex residenza fejn toqgħod. Hija kienet qed tingħata l-kura fl-Isptar Monte Carmeli u issa se tinżamm fit-Taqsima Forensika tal-istess faċilità.
Is-sentenza se tingħata f’Settembru.