Il-Banjijiet Rumani f’Għajn Tuffieħa qed jiġu kkonservati permezz ta’ materjal protettiv li qed jgħatti l-istrutturi oriġinali tagħhom.
Dan is-sit imur lura aktar minn elfejn sena għal żmien il-ħakma Rumana u ġie mikxuf b’mod aċċidentali fl-elf disa’ mija u disgħa u għoxrin waqt xogħlijiet ta’ ilma mill-għajn naturali li hemm fl-inħawi.
Il-kuratur prinċipali ta’ Heritage Malta semma kif is-sit fih diversi kmamar.
Qal, “Kellek ukoll anki kmamar fejn wieħed possibilment seta’ joqgħod anki matul il-lejl. Kien post f’kelma waħda mgħammar b’diversi faċilitajiet li għal dak iż-żmien kien jagħmel post ta’ ċertu kalibru.”
Fil-kważi mitt sena li ilhom mikxufa, l-elementi naturali ħallew l-effetti tagħhom fuq is-sit, u għalhekk ġie deċiż biex bil-għan li dawn ikunu ppreservati għall-ġejjieni, tittieħed azzjoni.
Wara ħafna ppjanar u anke 3D modelling tas-sit, tgħatta l-post b’mod temporanju b’materjal protettiv.
Ir-restawratur Francesco Sultana ħadna lura sentejn, meta kienet saret prova ta’ din it-teknika u tgħattiet parti żgħira tas-sit.
Qal, “Rajna li kien intervent ta’ suċċess fejn jidħol preservazzjoni minħabba li jillimita kemm jikbru pjanti, kemm jistgħu jirfsu annimali u jnaqqas milli jintilef il-materjal tas-sit innifsu. Allura wara dan l-istudju tas-sentejn li għaddew iddeċidejna li nagħżlu partijiet sensittivi ħafna mis-sit sabiex jitgħattew temporarjament bl-istess mod.”
Il-Kap Eżekuttiv Noel Zammit innota kif il-preservazzjoni tas-siti hija parti essenzjali mill-ħidma ta’ Heritage Malta.
Spjega, “Il-missjoni ta’ Heritage Malta hi mhux biss l-aċċessibbiltà tal-patrimonju iżda fuq kollox il-protezzjoni tal-wirt kulturali. Illum fil-fatt qegħdin fil-banjijiet rumani ta’ Għajn Tuffieħa fejn qed nagħtu eżempju ċar ta’ kif nipproteġu dan il-wirt kulturali.”