Mindu faqqgħet il-pandemija, il-Gvern Malti nvesta bil-kbir biex isostni lill-ekonomija ta’ pajjiżna.
Riżultat ta’ dan, il-Gvern irreġistra titjib fid-defiċit fil-Fond Konsolidat ta’ €169 miljun fl-ewwel 7 xhur tas-sena meta mqabbel mad-defiċit ta’ sena ilu.
Minkejja l-pandemija u r-restrizzjonijiet biex tiġi kkontrollata, id-dħul tal-Gvern kien aktar min-nofs biljun ewro aqwa mill-istess xhur tal-2020,
Filwaqt li kien hemm xi tnaqqis fid-dħul minn liċenzji, kif ukoll anqas flus minn grants, id-dħul mit-taxxi kiber b’rata qawwija. Fil-fatt, id-dħul mill-VAT żdied b’€125 miljun , dak mill-income tax tela’ b’€284 miljun, u mill-bolla l-Gvern daħħal mija u €13-il miljun aktar.
Dawn huma ammonti akbar mhux biss mill-2020, imma saħansitra huma aktar milli kien inġabar fl-2019, jiġifieri qabel il-pandemija.
Dan jikkonferma li l-qagħda tal-familji u tan-negozji qed tirpilja sew. Mhux biss qed ikunu jistgħu jħallsu lura t-taxxi differiti s-sena li għaddiet, imma saħansitra qed iħallsu taxxi aktar minħabba li d-dħul tagħhom żdied, frott ir-rata ta’ rkupru tal-ekonomija.
Filwaqt li d-dħul qed jirkupra, prova ta’ kemm kien għaqli li l-Gvern ma jadottax politika ta’ awsterità, il-Gvern kompla jżid bil-qawwi l-ispiża biex jagħti aktar riżorsi lis-sistema tas-saħħa pubblika, kif ukoll biex isostni l-ekonomija.
Tant hu hekk, li l-ispiża rikurrenti laħqet rekord ta’ aktar minn €3 biljun ewro fl-ewwel 7 xhur tas-sena. Dan huwa tliet darbiet in-nefqa li kellu l-Gvern fl-istess xhur tal-2009, meta kien affaċċja kriżi ekonomika b’miżuri ta’ awsterità u billi poġġa l-piż fuq il-familji u n-negozji.
Huwa għalhekk li mentri pajjiżna dam snin twal ibati l-konsegwenzi tal-kriżi tal-2009, issa diġà qed jirnexxielna nirkupraw mid-daqqa ferm akbar tal-pandemija.
L-unika spiża li qed inaqqas il-Gvern hija dik fuq imgħax fuq dejn pubbliku. Mentri fl-ewwel seba’ xhur tal-2013 kienu ntefqu €131 miljun fuq hekk, din is-sena tħallsu €104 miljun. Dan għaliex il-fiduċja qawwija fit-tmexxija fiskali wasslet biex il-Gvern jista’ jissellef b’rati anqas.
Fl-istess ħin biex jagħi spinta lill-ekonomija u jitkompla l-pjan ambizzjuż ta’ investiment infrastrutturali, kif ukoll diversi proġetti biex jissaħħaħ is-servizz tas-saħħa, il-Gvern nefaq tliet mija u tlieta u għoxrin miljun ewro fuq spiża kapitali. Dan huwa ħmistax fil-mija aktar mill-ammont minfuq qabel il-pandemija.