B’investiment ta’ aktar minn seba’ mitt elf ewro, ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità għat-Teknoloġija u l-Informatika u l-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tal-Informatika.
Dan biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità u dawk vulnerabbli permezz tat-teknoloġija diġitali.
Dan il-ftehim għal perjodu ta’ tliet snin, se jwassal għal kampanji t’edukazzjoni u għarfien, riċerka dwar l-użu tat-teknoloġija b’mod aċċessibbli u firxa iżjed wiesgħa ta’ korsijiet.
Dan il-ftehim se jwassal ukoll biex isir studju dwar il-possibilità ta’ aktar applikazzjonijiet teknoloġiċi bil-Malti.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri saħaq li dan il-ftehim huwa importanti għaliex permezz tiegħu, persuni b’diżabilità se jitgħallmu b’mod aktar effettiv dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika f’postijiet differenti, fosthom fuq il-post tax-xogħol, l-iskola jew id-dar.
“Qed naraw li lill-persuni b’diżabilità nistgħu nagħtuhom aċċess aħjar għall-informazzjoni, permezz ta’ aktar taħriġ, aktar equipment fuq il-post fejn joperaw u dak kollu li jiġi miegħu. Kien għalhekk li bħala Gvern se nibqgħu nuru r-ruħ soċjali tagħna, speċjalment ma’ nies li huma fil-bżonn.”
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici faħħar l-isforzi tal-FITA, li qed taħdem bis-sħiħ biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni vulnerabbli permezz tat-teknoloġija li qiegħda ssir dejjem iktar sofistikata u tindirizza bżonnijiet differenti.
“Irridu li kulħadd ikun parti mid-dinja li hija kruċjali fid-dinja tal-lum. B’dan il-ftehim se jkun hemm aktar opportunità li jsir aktar xogħol u aktar servizzi għal kulħadd.”