Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jkun vuċi iżolata fil-kritika tiegħu għall-proġetti mħabbra u mwettqa mill-Gvern li jinċentivaw iktar minn qatt qabel l-użu ta’ teknoloġija favur l-ambjent, f’dan il-każ il-vetturi elettriċi.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija b’rabta ma’ konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li ġiet organizzata biex tikkritika t-tħabbir ta’ politika nazzjonali għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi u sett ta’ tariffi vantaġġjużi għas-sidien tal-karozzi elettriċi.
Il-Partit Laburista qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech hi mhedija fil-kritika ma pproponiet xejn konkret u studjat bħala alternattiva.
Dan għax il-Partit Nazzjonalista stess qal ftit tal-jiem ilu li xogħlu jikkritika biss u mhux jipproponi.
Il-Partit Laburista nnota li l-kelliema ta’ Bernard Grech ma qalux kif u b’kemm se jżidu l-infrastruttura u fuq kemm żmien.
Għal dawn il-mistoqsijiet il-Gvern diġà ta tweġibiet ċari.
Il-Partit Laburista żied jgħid li fil-fatt il-Gvern qed jiggarantixxi rati vantaġġjużi u fost l-aktar rati kompetittivi fl-Unjoni Ewropea, u numru ġeneruż ħafna ta’ sigħat off-peak.
Dawn jiżdiedu mal-ħafna inċentivi biex jinxtraw karozzi elettriċi.
“Mal-Partit Laburista n-nies jafu fejn qegħdin. L-alternattiva hi biss il-baħħ u d-diskors fieragħ tal-Oppożizzjoni”, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.