Din hija Bella. Bella hija kelba li ħdax-il sena ilu, meta kienet għadha biss ġeru, is-sid inizjali tagħha ma setax iżommha u sabilha sid ġdid.
Iżda ġara li meta ta lis-sid il-ġdid, huwa ma biddilx id-dettalji taċ-ċippa tagħha u mingħajr ħadd qatt ma ta każ, Bella baqgħet imniżżla fuq l-ewwel sid tagħha tul dawn is-snin kollha.
Spjegat kif, “Xi xahar ilu nstabet tiġri barra. Ġabruha l-Animal Welfare u ħaduha għand is-sid oriġinali tagħha. Ma riduha akkost ta’ xejn sa pprovaw joħduha għand veterinarju biex iraqqduha u minn hemm ċemplulna mill-klinika biex ngħinu lil Bella. ”
Kien proprju ħdax-il sena wara li Bella spiċċat f’nofs tat-triq, u meta nġabret mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, hi ttieħdet għand is-sid oriġinali tagħha hekk kif iċ-ċippa kienet tgħajjat lilu, iżda hu ma ridiex.
Filwaqt li żammha għal ftit jiem u kiteb fuq il-midja soċjali biex isibilha sid ġdid, ma kinitx għaddiet ġimgħa qabel Bella spiċċat għand veterinarju tħares f’wiċċ il-mewt, bil-għan li titraqqad għax l-ewwel sid tagħha ma felaħx jissaporti iktar.
Qalet, “Bella ilha ftit iktar minn ġimgħa hawn. Kumbinazzjoni kien hemm xi ħadd li kien għadu kemm kien tilef lill-kelb tiegħu biż-żmien u kienu qed ifittxu xi ħaġa simili, allura bella kienet il-kelba ideali għalihom.”
Kien grazzi għat-tim dedikat tal-MSPCA li kif saru jafu bl-istorja ta’ Bella u ġew avżati li se titraqqad, għamlu dak kollu li setgħu, ħaduha għandhom u f’madwar ġimgħa sabulha familja ġdida li ħabbitha mill-ħin li rawha.
Il-manager fuq id-drittijiet tal-annimali fi ħdan l-MSPCA, Althea Galea, tenniet dwar l-importanza kif meta persuna ssib sid ġdid għall-annimal tiegħu, ikun ċert biex jibdel id-dettalji neċessarji.
Tenniet dwar kif, “iċ-ċippa importanti ħafna li żżommuha updated u li tkun irreġistrata. Jiġifieri meta int tiċċippja lill-kelb jew qattus tiegħek, wara tliet ġimgħat tirċievi ċertifikat li dak l-annimal huwa tiegħek. Jekk ma tirċivix dak iċ-ċertifikat, ħafna drabi ma jkunx ġie rreġistrat. Ġifieri jekk jinstab jiġri barra u jiċċekkjaw iċ-ċippa ma jkunx hemm mod kif isibu s-sid. Meta nsibu sid ġdid għall-annimali tagħna, irridu nieħdu ħsieb li nibdlu ċ-ċippa biex ma jiġrix kif ġara fil-każ ta’ Bella.”
Bella hija waħda minn grupp ta’ klieb, li permezz tal-ħidma tal-MSPCA se terġa’ tingħata ċans għal ħajja aħjar li tant jistħoqilha wara avventura kerha li ma stennietx li se tgħaddi minnha.