Waslu f’pajjiżna minn Ruma diversi xogħolijiet tal-artist Malti Giorgio Preca.
Dan wara li dawn ġew mislufin lil Heritage Malta mingħand il-familja tiegħu.
Dawn ix-xogħlijiet jikkonsistu f’21 pittura, erba’ tpinġijiet u sitt oġġetti taċ-ċeramika li Preca kien juża biex ipitter.
Issa dawn ix-xogħlijiet għaddejjin minn proċess ta’ restawr mir-restawraturi ta’ Heritage Malta sabiex kemm jista’ jkun dawn ix-xogħlijiet jkunu priservati sabiex jitgawdew minn ġenerazzjonijiet futuri.
Il-kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit spjega kif wara l-proċess ta’ restawr jibda x-xogħol sabiex f’wirja l-Maltin ikunu jistgħu jgawdu x-xogħol ta’ dan l-artist Malti.
Qal, “Issa jonqos challenge ikbar. Illi nagħmlu esebizzjoni, nagħmlu wirja ta’ din l-arti, illi tkun esperjenza għall-viżitatur. Illi kull viżitatur, ġej minn fejn ġej, hu minn hu, età għandu kemm għandu, irid jifhem dak li dan l-artist propja ried ifisser meta penġa dawn il-pitturi.”
Il-Konservatur Anzjan ma’ Heritage Malta, Anthony Spagnol spjega kif Giorgio Preca ma kienx jintrabat bir-regoli magħrufa tal-pittura.
Spjega kif filwaqt li Heritage Malta għandha f’idha xogħol minn tiegħu li juri kif Preca kien jaf sew ir-regoli, huwa ma kien iħalli xejn iżommu milli jesprimi dak li jrid f’libertà sħiħa.
Spjega, “Giorgio Preca għamel dan ukoll b’libertá assoluta u ssagrifika ċertu regoli fissi fil-pittura kif għandhom jiġu applikati l-affarijiet imma biex hu jotjeni dak li verament xtaq ipoġġi fuq it-tila.”
F’konferenza tal-aħbarijiet iċ-Chairman ta’ Heritaage Malta Anthony Scicluna stqarr kif minkejja l-pandemija din kienet sena ta’ suċċess għal Heritage Malta, fost oħrajn bil-wasla lura Malta tal-pittura ta’ Mattia Preti ‘Boezju u l-Filosofija’ u l-wirja li għaddejja bħalissa fil-MUŻA, bi tlettax-il kapolavur ta’ artisti kbar li ġew mislufa lil Heritage Malta għal perjodu twil.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar faħħar il-pass għaqli ta’ Heritage Malta li titfa’ dawl fuq dan l-artist rispettat fost sħabu l-artisti.
Il-kuratur għall-Etnografija u l-Arti fi ħdan Heritage Malta qal li l-wirja ser tagħmel ġustizzja ma’ dan l-artist li huwa meqjus fost il-pijunieri tal-arti moderna f’Malta.