Fl-għeluq ta’ 20 sena bħala korrispondent għall-UEFA f’pajjiżna, Domenic Aquilina, ġurnalist sportiv u fotografu, qasam magħna l-memorji uniċi li esperjenza tul dan iż-żmien fil-karriera tiegħu.
Huwa spjega kif xogħlu sa mill-bidu ta’ din l-esperjenza kien li jwassal rapporti u ritratti ta’ dak kollu li jiġri fid-dinja tal-futbol f’pajjiżna, b’mod speċjali dak abbinat mal-UEFA.
Qal, “Dak kollu li jiġri minn ħdan il-UEFA ġo pajjiżi rrid nirraport, u nirraporta l-football writing assoċjat ma’ ritratt jew tnejn.”
Iżda jispikkaw fost il-ħafna memorji li akkumula tul il-karriera tiegħu hemm l-erbatax-il finali taċ-Champions League li kollha kien preżenti għalihom sabiex jaqbad l-aħjar mumenti f’ritratti uniċi.
Stqarr kif l-emozzjoni u l-atmosfera ta’ kull grawnd f’din il-ġurnata mistennija annwalment fil-kalendarju tal-futbol internazzjonali hija xi ħaġa li diffiċli tesprimi bil-kliem.
Spjega, “Ovvjament hija xi ħaġa kbira li tkun preżenti ġo Champions League final u tara dawk l-emozzjonijiet. Il-mument li tidħol ġo stadium, dan temozjona ruħek qisek wieħed mis-supporters.”
Madankollu, qalilna kif waqt il-logħba moħħu jkun biss kif ser jagħmel l-aħjar biċċa xogħol f’dik is-siegħa u nofs tal-partita, u għalhekk kif ser jirnexxielu jaqbad ir-ritratti li permezz tagħhom tibqa’ tiġi mmarkata dik il-logħba fl-istorja tal-futbol għas-snin ta’ wara.
Qal, “Ma tgawdihiex il-logħba assolutament. Tgawdi meta tiġi lura u tara r-ritratti tgħid “ara jien kont hemm.” Dik l-espressjoni jiġifieri għaliex il-moħħ ikun ‘to deliver’.”
Staqsejnih xi jkun qed ifittex li jara mil-lenti tal-kamera tiegħu biex ikun konvint li f’dak il-mument għandu jżid ritratt ieħor mal-kollezzjoni tiegħu.
Spjegalna kif filwaqt li l-UEFA tħobb tagħżel ritratti li jkunu juru d-delirju ta’ ferħ li jaħkem il-plejers mal-mument li l-ballun jispiċċa fix-xibka, huwa dejjem fittex dik ix-xi ħaġa differenti f’ritratt.
Qal, “Jiena personali nħares lejn ritratt b’naqra xi ħaġa differenti. Eżempju nsemmu lil Messi, nsemmu lil Ronaldo. Always look for a special moment li plejer jista’ jipproduċi. Eżempju dan ta’ wara, dan huwa ikoniku wkoll. Kont irbaħt Londra bih.”
Fl-istudjo tiegħu mdawwar b’ħafna tifkiriet li akkumula tul dawn l-aħħar 20 sena, ħallejna lil Domenic jaħseb fuq il-passat sabiħ tal-karriera tiegħu.
Passat li jkabbarlu d-domanda f’moħħu ta’ kemm il-grawnd tal-futbol għad irid idur madwar id-dinja u kemm il-memorja għad irid jimmortalizza hekk kif jagħfas il-buttuna tal-kamera tiegħu.