Il-klabb tal-futbol tal-Imtarfa Youth Nursery ngħata materjal ta’ taħriġ mill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli bħala parti mill-ħidma li din tagħmel fil-komunità biex tqajjem kuxjenza dwar il-vizzji relatati mal-logħob.
L-għan aħħari hu li dawn it-tfal jitgħallmu minn issa jiddistingwu bejn logħob responsabbli u l-użu eċċessiv tal-internet jew logħob ieħor. Dan anke bħala prevenzjoni ta’ imġieba perikoluża li taf twassal għal xi vizzju.
B’kollox sebgħin tifel u tifla tal-lokalità se jgawdu minn taħriġ aktar b’saħħtu mill-klabb. Simon Spiteri, il-President tal-klabb, iddeskriva l-għotja mill-Fondazzjoni bħala ġest li se jgħin biex il-materjal disponibbli għal-lezzjonijet ikompli jitjieb.
Qal li “b’din l-għajnuna nistgħu nilħqu aktar l-objettiv tagħna biex aktar tfal jiġu hawn u nkomplu bil-ħidma biex it-tfal jikbru b’mod komplet f’dak li hu sport u anke edukazzjoni f’ambjent san minn kollox”, li kien sentiment li qasmuh ukoll it-tfal li se jgawdu.
Il-Manager tal-Fondazzjoni Kevin O’Neill fisser l-importanza li dan it-tip ta’ logħob ma jsirx l-unika prijorità fil-ħajja ta’ wliedna, u fil-fatt, għan ieħor tal-Fondazzjoni hu li tipprovdi protezzjoni edukattiva kemm għal dawk iżgħar fl-età u anke dawk vulnerabbli. Hawn qal kif il-Fondazzjoni tinvesti f’attivitajiet li joffru l-alternattivi lil tfal u żgħażagħ.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri spjega kif il-fondazzjoni se ssaħħaħ il-ħidma tagħha sabiex tgħin organizzazzjonijiet simili jsaħħu s-servizz ta’ attività fiżika pprovdut lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.
“Kien għalhekk li tajna dik id-direzzjoni biex ngħinu, u aktar ‘il quddiem se naraw inizjattivi simili ma’ diversi organizzazzjonijiet biex inkomplu ngħinu, u t-tfal noffrulhom taħriġ bħal dan u attivitajiet alternattivi għal vizzji li jista’ jkun hemm fil-madwar”, temm jgħid il-Ministru Schembri.