Żagħżugħ Ingliż ta’ wieħed u għoxrin sena li aktar kmieni dan ix-xahar qala’ sitt daqqiet ta’ sikkina f’Tas-Sliema, xehed fil-kumpilazzjoni kontra r-raġel akkużat bl-attentat ta’ qtil tiegħu.
L-akkużat huwa Libjan ta’ tmienja u tletin sena li jgħix Tas-Sliema, u wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-vittma xehed li qala’ daqqiet ta’ sikkina f’sidru, f’għonqu, f’dahru u f’wiċċu. Dak il-ħin ma ħass xejn imma mbagħad intilef minn sensih.
Iż-żagħżugħ spjega li fil-lejl li seħħ il-każ, mar jixrob ma’ żewġ kollegi f’Paceville u wieħed minnhom qallu biex jiltaqgħu mal-akkużat, li ġieli ltaqa’ miegħu qabel permezz ta’ ħabib komuni.
Il-vittma ddeskriva lill-akkużat bħala l-bniedem ideali biex jagħti pariri dwar barijiet u parties.
Qal li meta kienu qed jixorbu ħdejn il-baħar, wieħed minn sħabu beda jfittex il-mobile u meta ċaqlaq il-basket tal-akkużat, dan tal-aħħar beda jirrabja.
Iddeskriva lill-akkużat bħala viżibbilment fis-sakra, meta ta daqqa ta’ ponn lil sieħbu f’wiċċu u dar għalih.
L-allegat vittma xehed li l-ġlieda damet għaddejja inqas minn ħmistax-il sekonda u l-akkużat ħarab minn fuq il-post.
Iż-żagħżugħ ittieħed l-isptar b’ambulanza, fejn inżamm għal ġimgħa u qatta’ ġimgħat oħra jirkupra mill-feriti li ġarrab.
Il-kumpilazzjoni se tkompli fis-sitta t’Ottubru.