L-iffirmar ta’ ftehim ġdid bejn l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ser iwassal biex għat-tliet snin li ġejjin studenti li jkunu qed jistudjaw dwar il-qasam tal-Ilma, jagħmlu dan b’kollaborazzjoni mal-korporazzjoni prinċipali inkarigata minn dan il-qasam f’pajjiżna.
Il-Prinċipal tal-MCAST, Joachim James Calleja spjega kif dan il-ftehim mhux biss ser ikabbar l-opportunitajiet ta’ prattika li l-istudenti ser ikollhom mal-korporazzjoni anke fil-forma ta’ apprentistat iżda ser jorbot direttament ir-riċerka li ssir mill-istudenti mal-bżonnijiet tal-korporazzjoni.
Qal, “Dawk l-istudenti li ser ikollhom ir-riċerka jew ikollhom it-teżi meta jkunu qed jistudjaw l-MCAST, sa jirriċerkaw issues li huma relatati mad-dinja reali tal-Water Services Corporation. Jiġifieri t-teżi tagħhom, l-istudju tagħhom ser ikun studju li l-Water Services Corporation għandha bżonn.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Ivan Falzon spjega kif ftehim bħal dan jassigura li s-settur ma jinxifx mit-talent sabiex verament il-Korporazzjoni tkun tista’ tilħaq il-miri tagħha.
Qal, “Konna, għadna u ser nibqgħu ninvestu fl-edukazzjoni. L-edukazzjoni ta’ nies ġodda li jidħlu magħna u anke l-edukazzjoni tal-ħaddiema tagħna eżistenti. Għaliex nemmnu li kull proġett li għandna mingħajr in-nies, mingħajr nies imħarrġa, speċjalizzati u edukati f’din l-industrija ma nwasslux għall-aħjar riżultat.”
Għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm preżenti l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.
Il-Ministru Dalli spjegat kif permezz tal-proġett pilota ta’ Erasmus+ studenti Maltin u Għawdxin kellhom l-opportunità li jivvjaġġaw barra minn Malta biex jesperjenza kif il-qasam tal-ilma huwa amministrat fl-Olanda.
Il-Ministru Caruana wkoll innutat kif l-MCAST qed ikun strumentali sabiex bil-flessibilità tiegħu jagħmel korsijiet li jindirizzaw il-bżonn li jkun hemm f’oqsma differenti.
Dan filwaqt li qed ikun assigurat li l-istudenti jingħataw opportunitajiet ugwali.