F’sena waħda biss Gvern Laburista investa €3.2 miljun fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Somma li tiżboq sew in-nefqa ta’ Gvern Nazzjonalista f’9 snin fl-istess faċilità.
Fil-fatt fil-ħabs ta’ Kordin, Gvern Nazzjonalista bejn l-2004 u l-2012 nefaq biss €2.8 miljun.
Dwar din in-nefqa stħarrġet il-gazzetta t-Torċa hekk kif spjegat li dan kollu jxejjen argumenti li dehru fil-mezzi tax-xandir dwar l-attenzjoni li l-Gvern qed jagħti fil-faċilità u l-priġunieri li jgħixu fiha.
Fl-artiklu tagħha l-gazzetta tispjega li l-fondi kapitali marru biex isiru investiment fil-faċilità li minnhom gawdew l-istess priġuniera u anke l-uffiċjali li jaħdmu ta’ kuljum hemm.
Fil-fatt, b’investiment ta’ €700,000 saret kamra li fiha l-priġuniera jirċievu attenzjoni medika.
Dan apparti investimenti t f’vannijiet ġodda, numru ta’ body u baggage scanners sabiex tiżdied is-sigurtà fil-faċilità, investiment f’apparat sabiex il-priġuniera jkunu jistgħu jaħdmu fil-ħabs fosthom fil-workshop tal-mastrudaxxi u uffiċċju ġdid biex jinżammu r-records b’investiment ta’ aktar minn €200,000.
Apparti minn hekk l-gazzetta tkompli tispjega kif kien hemm l-ingaġġ ta’ numru bla preċedent ta’ ħaddiema professjonisti fil-qasam.
Minn tabib wieħed li kien hemm fil-faċilità sal-2012, illum hemm tlieta u hemm ukoll tliet psikjatri li joffru s-servizzi tagħhom b’wieħed minnhom ibbażat fil-faċilità. Dan biex wieħed ma jsemmix is-sbatax -il infermier li jaħdmu fil-faċilità.
Riċentament ġie ngaġġat dentist biex joffri s-servizzi tiegħu lill-priġuniera. Dan l-investiment fir-riżorsa umana fisser investiment ta’ madwar €2.5miljuni u allura żieda fl-ispiża rikurrenti.
Dwar din ukoll kien hemm żieda sostanzjali taħt Gvern Laburista. Fil-fatt f’disa’ snin Gvern Laburista kellu spiża rikurrenti fil-ħabs ta’ kważi €125 miljun, 76% aktar minn dik ta’ Gvern Nazzjonalista li f’disa’ snin nefaq biss €71 miljun.
Dan l-investiment jikkumplimenta mal-eliminar tad-droga fil-ħabs fejn il-ġungla u l-priġunieri jikkmandaw fil-ħabs saru ħaġa tal-passat.