Kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Errol Grech, li hu akkużat li b’arma mingħajr liċenzja, spara f’żona residenzjali sabiex jintimida u jhedded persuna.
Fil-Qorti nstemgħet xhieda ta’ Spettur li kien qiegħed fl-għassa taż-Żejtun fil-ħin tal-allegat reat, fejn irċieva rapport mill-allegat vittma li sab il-karozza tiegħu bi ħsara.
Qal li tlett ijiem wara, l-istess raġel reġa rrapporta li kien involut f’inċident ma’ Grech fejn dan tal-aħħar allegatament heddu li se joqtlu.
Minn hawn, Grech ġie mitkellem mill-Pulizija, fejn sostna li kien qiegħed jiċċajta u ma kellu ebda problemi ma’ ħadd.
Tlett ijiem wara, l-allegat vittma reġa’ mar għand il-Pulizija fejn sostna li sab xi ħsara ma’ bieb t’għalqa tiegħu, u ġimgħa wara dan, sab il-ħsara mal-bieb ta’ daru.
Għalhekk huwa ta filmati minn kamera tas-sigurtà li kellu ma’ daru, fejn deher li fis-sagħtejn u kwart ta’ filgħodu, karozza waqfet quddiem biebu, xegħlet il-hazard lights, u ġie sparat tir mill-karozza.
Fil-filmat deher li l-karozza kellha ħsara sostanzjali, u b’hekk setgħet tiġi identifikata bħala l-karozza ta’ Grech.
Wara li l-Pulizija fittxu fil-karozza u d-dar ta’ Grech, instab skartoċċ fil-karozza u arma f’daru.
Intqal ukoll kif qabel il-każ, il-familja tal-akkużat rieduh jara tabib, hekk kif skonthom, ma kienx qiegħed jaġixxi normali.