Is-servizz tas-Silver T, li joffri trasport bla ħlas lill-anzjani biex jagħmlu l-qadi tagħhom, issa ġie estiż għar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar u l-madwar.
Dan diġà jiġi offrut fi 18-il lokalità oħra madwar Malta, u għalih ikun hemm madwar seba’ mitt talba f’xahar.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva Renzo De Gabriele spjega li l-proġett pilota li kien sar għen biex id-Dipartiment ikun jaf x’riżorsi għandu bżonn.
De Gabriele stqarr, “Nafu li bejn wieħed u ieħor hawn ’il fuq min erbat elef anzjan, u allura nkunu nistgħu naqduhom b’dan il-mod. Il-ħsieb hu, u anke tenders bi ħsiebhom jinħarġu fil-jiem li ġejjin biex ikollna tnax-il reġjun, madwar Malta u Għawdex kollha, biex naqdu lill-anzjani ma’ Malta kollha.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li b’din il-miżura, il-Gvern se jkun wettaq disgħin fil-mija tal-miżuri li tressqu fil-budget għal din is-sena fil-qasam tal-anzjani. Qal ukoll li bil-ħidma li se tkompli, sa Ottubru se jkunu twettqu l-miżuri kollha marbuta ma’ dan il-qasam li sena ilu twiegħdu fil-budget.
Il-Ministru Farrugia spjega, “Diġà qed naħdmu biex noħorġu t-tenders għal 12-il vettura elettrika biex tagħti servizz ma’ Malta kollha. Se jkun hemm 12-il żona u kull żona jkollha vettura għaliha.”