Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien talab u tħallsulu minn Yorgen Fenech l-ispejjeż marbuta ma’ coffee morning li kien għamel għall-kostitwenti tiegħu lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2008.
Informazzjoni li għandu f’idejh ONE News turi li Jason Azzopardi organizza dan il-coffee morning biex jimbotta ċ-ċansijiet tiegħu ħalli jerġa’ jiġi elett, fil-lukanda Hilton f’San Ġiljan.
Għal dan il-coffee morning attendew ’il fuq minn mitt ruħ u Jason Azzopardi ma ħariġx ċenteżmu wieħed hekk kif il-kont tħallas minn Yorgen Fenech, dak iż-żmien Direttur Maniġerjali tal-grupp ta’ Tumas li tmexxi l-Hilton, illum is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Id-data ta’ meta Azzopardi ħa b’xejn m’għand Fenech il-coffee morning hija sinifikanti meta wieħed iqis l-attakk li Jason Azzopardi u sħabu għamlu fuq l-Imħallef Giovanni Griscti.
Ftit qabel l-Imħallef Griscti ħareġ bid-deċiżjoni tiegħu dwar talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech, Jason Azzopardi ħareġ b’attakk sfrenat kontra l-Imħallef li ddeċieda li Yorgen Fenech għandu jibqa’ jinżamm arrestat.
Fenech tpoġġa taħt att ta’ akkuża mill-Prosekuzzjoni biex jgħaddi ġuri mixli bil-kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.
Dakinhar tal-pubblikazzjoni tal-att ta’ akkuża, l-Imħallef Griscti kien iffaċċjat b’ittra li ntbagħtet lill-Prim Imhallef mingħand Jason Azzopardi u akkużah b’kunflitt ta’ interess għar-raġuni li fl-2008, Dr Griscti li kien għadu mhux Imħallef, kien xtara dgħajsa mingħand George Fenech, missier Yorgen Fenech.
L-ittra kienet segwita wkoll minn attakk fil-konfront tal-Imħallef Griscti permezz ta’ kitbiet fuq Facebook mill-istess Jason Azzopardi, Simon Busuttil u numru ta’ esponenti tal-għaqda Repubblika fosthom Manuel Delia.
Quddiem dan kollu, Jason Azzopardi tkaża b’akkwist leġittimu ta’ dgħajsa li għaliha Dr Griscti ħallas fl-2008 iżda fl-istess sena, Jason Azzopardi tkarrab u akkwista b’xejn coffee morning mingħand Yorgen Fenech.
Dan id-dettall jingħaqad mal-fatt li Jason Azzopardi tħallsitlu wkoll kamra f’lukanda lussuża f’Tel Aviv, l-Iżrael, mill-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Dakinhar Jason Azzopardi kien mar għal tieġ u qagħad fil-lukanda Hilton li tagħti fuq ix-xtajta tal-belt Iżraeljana iżda wara fuq ix-xandir, Jason Azzopardi qal hekk meta spiċċa mistoqsi ħax xi ħaġa mill-grupp ta’ Fenech.
Saviour Balzan saqsa, “Mill-grupp li huwa kien CEO int pereżempju qatt ma ħadt xejn mingħandhom pereżempju lil dawn, il-grupp?”
Jason Azzopardi qal, “Żgur mhux mingħand Yorgen Fenech.”
Saviour Balzan kompla jsaqsi, “Le mill-grupp, qed nistaqsik qed inkun preċiż bħal Avukat jien, qatt ħadt xi ħaġa?”
Jason Azzopardi wieġeb, “Ma niftakarx li qatt ħadt xi ħaġa.”
Saviour Balzan qal, “Qatt ma ħadt xi ħaġa.”