Anzjana ta’ 81 sena tilfet ħajjitha minħabba dħaħen li ħakmu d-dar tagħha wara li żviluppa nirien.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6:30 ta’ filgħodu fi Triq Betta f’Ħal Tarxien.
Il-vittma ngħatat l-assistenza minn tim mediku iżda sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jikkontrollaw in-nirien.
Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li t-tfal tal-anzjana laħqu telqu mid-dar għax-xogħol ftit minuti qabel in-nirien ħakmu d-dar.
Din l-aħbar intlaqgħet b’dieqa kbira minn residenti Tarxiniżi.
Bħalissa qiegħda ssir ukoll ġabra b’risq il-familja tal-anzjana li jittaffew l-ispejjeż kbar li ġarrbet il-familja kawża tan-nirien.
Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.