Ma ried jaf b’xejn aktar għajr li jsuq trakk tal-linja, sa minn mindu kien tifel kien jiġri ma’ missieru meta hu kien b’tal-linja fuq ir-rotta tal-Mellieħa.
Dan huwa r-rakkont ta’ Charles Borg, jew kif inhu magħruf il-Kalatru.
Morna nżuruh fil-garaxx li fih kien iżomm ix-xarabanks.
Il-Kalatru qalilna illi tant kemm kellu xewqa kbira li jibda jsuq, li ta’ sittax-il sena ried jixtri l-ewwel trakk, imma ommu ma ħallitux.
Qal, “Aħna konna dejjem, missieri dejjem kien bix-xarabank u qisha twieldet miegħi, bqajt xarabank, dejjem xarabank. Ommi kienet tgħidli tgħallem l-iskola u jien ‘xarabank irrid ma, xarabank’”
Baqa’ persistenti sakemm t’għoxrin sena xtara l-ewwel trakk, iżda qabel għamel erba’ snin kunduttur.
Ejja ngħiduha kif inhi, fuq tal-linja tiltaqa’ ma’ karattri diversi u għalhekk, b’kurżità fuqna staqsejnih jekk għandux xi storja x’jirrakuntalna, u dlonk qabad jidħak għax ftakar f’waħda meta kien għadu kunduttur.
Spjega, “Kien jirkeb filgħodu kmieni jkun għadu d-dlam bil-bozza tixgħel, kien jiġi bil-gazzetta jitfaha quddiem wiċċu, biex ma jħallasx, allura tgħaddi minn miegħu, tmissu, qisek ma missejt xejn… Mela jibqalek bil-gazzetta… Aħna dak iż-żmien kien ikollna l-beritta, u jien qbadt il-beritta daħħalthielu ġol-fanal biex ma jarax il-gazzetta, biex jinduna li jrid iħallas. X’ħin ma bedhiex jara imbagħad ħares lejja.”
Charles huwa missier ta’ żewġ subien, li t-tnejn wirtu l-imħabba lejn it-trasport pubbliku, tant li t-tnejn kellhom xarabank kull wieħed tistennihom qabel ġabu l-liċenzja.
Ir-rakkonti ta’ stejjer ferrieħa iżda daru f’waħda kerha; it-tifkira tal-aħħar vjaġġ meta t-trasport pubbliku kif konna nafuh daħlu minflokhom l-Arriva. Memorja, li għaxar snin wara għadha tinħass bħal ġerħa friska.
U għalhekk snin ta’ vjaġġi, għaxar snin ilu saru biss memorji.
Qal, “Daqqa ta’ stallett, għax jien mhux waħda ħadt, tlieta: tiegħi u tat-tfal. Inqatalna l-ħobż kollu, tiegħi u tat-tfal. Ma kienx hemm x’tagħmel. Imbgħad it-tfal ramaw bit-taxi u jien intfajt mangia passiga. Kelli 57 u nofs meta żarmajt.”
Fl-aħħar tal-intervista skoprejna xi ħaġa ġdida fuq Charles, illi l-Verbum dei, l-ittri u t-tpinġijiet mal-ħġieġa ta’ wara x-xufier kien ipenġihom il-Kalatru; għaliex apparti kien xufier prim, huwa wkoll artist.