Chris Barbara ta’ ħamsa u għoxrin sena ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li kien involut f’logħob tal-azzard mhux awtorizzat.
Fil-Qorti ntqal kif f’Jannar ta’ din is-sena il-Pulizija kienet arrestat lil ġuvni ta’ wieħed u għoxrin sena mixli b’akkużi simili. Intqal kif dan kellu mobile b’diversi chats, u waħda minnhom allegatament kienet tal-imputat, fejn kienu ftehmu fuq il-logħob tal-azzard.
Id-difiża appellat għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ma ġietx oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni. Intqal kif l-imputat għandu vizzju tal-logħob tal-azzard li qed jikkontrollalu ħajtu, tant li akkumula dejn sostanzjali.
Fost il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, huwa ġie ordnat iħallas depożitu ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali t’għoxrin elf ewro, u jrid jiffirma fl-għassa ta’ Ħal Qormi darbtejn fil-ġimgħa.