Alvin Wannous ta’ 37 sena li jgħix Ħal Balzan baqa’ jinżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati ta’ vjolenza domestika fuq it-tfajla tiegħu.
Fil-Qorti ntqal kif l-imputat u t-tfajla tiegħu, li kienu ilhom joħorġu flimkien għal ftit xhur, qattgħu tmiem il-ġimgħa f’Għawdex. Intqal kif x’ħin it-tfajla daħlet tinħasel, l-imputat allegatament beda jfittex fil-mobile tagħha, fejn sab xi chats ma rġiel oħra.
Kien hawn li t-tfajla kienet se tispjega min huma l-irġiel, iżda l-imputat allegatament sar aggressiv u ma ħallijiex tispjega. Wara huwa telaq mill-kamra, u meta ġie lura u sab lil mara qed tippakkja, l-argument reġa’ sar fiżikali.
Fil-fatt, fil-Qorti nstema’ li t-tfajla sofriet xi ġrieħi fi spallejha, rasha u ġiet iċċertifikata li nfaqgħalha t-tambur ta’ widnejha.
Minn hemm, il-mara qabdet taxi lura lejn Malta, fejn irrappurtat il-każ minnufih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, u spjegat li skont l-imputat, kienet hi li ħebbet għalih l-ewwel.
Minkejja dan, it-talba tal-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda.