Pajjiżna se jqum għall-okkażjoni fl-isfida tat-tibdil fil-klima.
Dan l-impenn kien ċar fil-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio.
Il-Prim Ministru qal kif diġà bdew isiru bidliet importanti, iżda semma li l-Gvern irid jagħmel ħafna iżjed xogħol.
Fost il-ħidma li saret mill-Gvern hija li Malta hija l-inqas pajjiż li jniġġeż minn fost is-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea għal kull persuna.
Dr Abela qal li dan qed isir hekk kif Gvern Laburista waqqaf il-powerstations jaħdmu bil-heavy-fuel oil, żejt li jniġġeż ħafna u qelibhom għal gass.
Il-Prim Ministru qal kif il-Gvern huwa impenjat li jkompli jnaqqas l-emissjonijiet fil-futur.
Hawnhekk Dr Abela nnota kif pajjiżna huwa kompletament ħieles mill-faħam u l-heavy-fuel oil għad-differenza ta’ xi pajjiżi Ewropej li għadhom jużaw dawn is-sorsi li jniġġżu.
Il-Prim Ministru saħaq kif bħala pajjiż flimkien irridu naħdmu bħala tim wieħed, bejn l-awtoritajiet, settur privat u individwi.
Dr Abela qal kif il-Gvern se jinċentiva lill-privat bil-għan li jagħmlu aktar għażliet li huma favur l-ambjent.
Hawnhekk il-Mexxej Laburista semma kif dan il-Gvern nieda diversi skemi sabiex jinvesti f’enerġija alternattiva.
Semma kif dan il-Gvern ta l-ikbar pakkett ta’ inċentivi u tranġaw anke ftehimiet ta’ feed-in tariffs skaduti ta’ Gvern Nazzjonalista, li minnhom gawdew numru ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.
Semma wkoll inċentivi qawwija għax-xiri ta’ karozzi elettriċi u s-solar water heaters.
Dr Abela semma wkoll kif b’permezz ta’ inċentiv tal-Gvern, eluf ta’ studenti u anzjani qed igawdu minn trasport pubbliku b’xejn.
Hawnhekk semma wkoll kif għaddej ix-xogħol sabiex it-trasport pubbliku jkollu flotta li taħdem bl-elettriku.
Min-naħa l-oħra, il-Mexxej Laburista nnota kif l-Oppożizzjoni ħsiebha biss biex tbigħ narrativa li meta kienet fil-gvern hi kollox kien għaddej sew f’dan il-qasam u titkellem ħafna mingħajr ma twiegħed l-ebda proposti.