F’pajjiżna hawn iktar nies li jifilħu jħallsu għall-btala ta’ ġimgħa barra mill-pajjiż mill-medja fl-Unjoni Ewropea. Dan skont stħarriġ tal-Eurostat, fejn ħareġ li mal-ħamsa u tletin miljun ċittadin Ewropew ma jifilħux iħallsu btala ta’ ġimgħa.
Dan l-istħarriġ juri kif fost l-oħrajn, fl-Italja hemm mas-seba’ miljun persuna li ma jaffordjawx btala, filwaqt li fil-Ġermanja u Spanja n-numru huwa aktar minn erba’ miljun persuna.
L-istħarriġ iħares b’mod speċifiku lejn dawk il-persuni li jgħixu fir-riskju tal-faqar, u skontu, huma kważi ħamsa u ħamsin fil-mija ta’ dawn il-persuni f’riskju ta’ faqar f’pajjiżna li ma jistgħux isiefru.
Il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ewropej, li analizzaw l-informazzjoni ta’ dan l-istħarriġ, sostnew li mal-Unjoni Ewropea kollha hemm diskrepanzi kbar bejn min jaffordja aktar minn btala waħda fis-sena u dawk li ma jaffordjawx.
Huma stqarru li s-soluzzjoni ta’ dan hija li tiżdied il-paga minima b’mod proporzjonat.