Mhu l-ebda sigriet li mijiet ta’ studenti tax-xjenza medika taw sehem tul il-pandemija skont il-bżonn tal-isptarijiet u l-bqija tas-sistema tas-saħħa madwar Malta u Għawdex.
Angele, Keira u Samuel huma biss tlieta minnhom, friski minn snin ta’ studju u riċerka, li lkoll daqu d-dinja tax-xogħol tista’ tgħid qabel iż-żmien minħabba l-pandemija.
Waħda minnhom ġiet stazzjonata fit-taqsima tal-kura intensiva.
Qalet, “Ovvjament għall-bidu tkun naqra inkwetata tkunx kapaċi tieħu ħsieb bniedem u jekk hux se nidra. Imma kienet esperjenza sabiħa ħafna li se nibqa’ ngħożż tul il-karriera tiegħi. Kompliet timilni b’aktar dedikazzjoni għall-istudji tiegħi.”
Naturalment ma naqsux l-isfidi u l-mumenti diffiċli.
Spjegat, “Ovvjament meta jkun hemm xi mwiet, imma dak hu parti mix-xogħol sfortunatament. Dik hija s-saħħa, imma tatni aktar kuraġġ biex inkompli.”
Magħna, Vella spjegat ukoll kif l-awtoritajiet assiguraw li l-ħaddiema fl-isptar ikunu protetti wkoll.
Naturalment pazjenti b’kundizzjoniet oħra xorta ngħataw l-attenzjoni u l-kura tul il-pandemija, kif spjegatilna Keira Attard.
Qalet, “Jiena kont stazzjonata f’sala fejn kien hemm ftit minn kollox, u allura kull pazjent kellu kundizzjoniji differenti li se tieħu ħsieb. Trid tieħu ħsiebhom ukoll anke mentalment u emozzjonalment għaliex dak hu żmien fejn int biss tista’ tkun hemm għalihom.”
Qalet ukoll li speċjalment f’dak iż-żmien, l-infermiera kienu l-akbar wens għall-pazjeti fl-isptarijiet.
Min-naħa tiegħu, l-infermier Samuel Sciberras kiseb l-esperjenza fil-programm nazzjonali tal-vaċċinazzjoni, u spjega kif malli rċieva l-istedina, mal-ewwel tħajjar.
Qal, “Probabbli kieku m’għamilthiex kien jiddispjaċini, għaliex stajt induq id-dinja ta’ infermier qabel ma kont lest u gradwat u kienet esperjenza sabiħa wkoll.”
Staqsejnih ukoll x’jaħseb li hija l-akbar sfida li jaffaċċja infermier waqt xogħlu.
Spjega, “Qatt ma tista’ tħalli l-għejja tirkbek, u li int tonqos bħala ħaddiem. Int taħdem ma’ nies morda u vulnerabbli li għandhom bżonnok. Ma tista’ qatt ma tagħtix il-mija fil-mija tiegħek.”
It-tliet żgħażagħ qalbiena temmew l-istudji b’suċċess, u jinsabu ħerqana għal aktar xogħol, sfidi u anke suċċessi.
U għalikom li qed titħajru tibnu karriera bħala infermiera, hawn hu l-parir għalik.
Qal, “Hemm ħafna prattika mal-ewwel u mhux ħafna tijorija u ma tafx x’inhu x-xogħol. Tista’ tesperjenza ml-ewwel x’inhu x-xogħol. Huwa xogħol ta’ interess kbir mhux biss fl-aspett kliniku biss imma tista’ tużah għall-ħajja, u huwa xogħol ta’ sodisfazzjon kbir ukoll.”