Ix-xogħol tal-qwiebel fl-Isptar Mater Dei ma jiqafx mal-mument meta l-omm teħles u twelled it-tarbija.
Il-ġranet ta’ wara, ukoll ikunu impenjattivi għall-qwiebel fil-Klinika tal-Breastfeeding, li jiggwidaw lill-ommijiet fil-proċess tant kruċjali tat-treddiegħ.
Quddiem l-Isptar Mater Dei, One News tkellem mal-qabla Pauline Fenech, li għandha aktar minn tletin sena ta’ esperjenza f’dan il-qasam, li spjegat x’jiġri mal-mument li l-omm ikollha tarbija.
Qalet, “Kull omm li jkollha l-baby Mater Dei se jkollha appuntament sabiex iġġib il-baby il-Breastfeeding Clinic. Hemmhekk inkunu nistgħu niżnuh u nagħmlu ċertu measurments, naraw kif sejra l-omm bil-baby fid-dar għax ħafna drabi spċejalment fl-ewwel baby ikun hemm naqra sfidi u challenges biex tadatta u nsaqsu l-mistoqsijiet biex niggwidawha.”
Il-piż tat-tarbija huwa kruċjali u għalhekk f’dawn is-sessjonijiet fil-klinika, il-qwiebel jiżguraw li t-trabi jkunu qed jixorbu l-ammont tajjeb ta’ ħalib; kemm jekk huwa naturali tal-omm u anki tat-trab.
Spjegat, “Ħafna drabi aħna nkomplu nsegwuhom sakemm iġibu l-weight għax il-baby fit-twelid jonqos imma sa ħmistax jerġa’ jġib il-piż u jekk naraw li kollox ikun sew ma jkollomx għalfejn jerġgħu jiġu imma ġieli jkollna tfal jew ommijiet li jaraw il-bżonn li jibqgħu jiġu biex iserrħu rashom.”
Il-qabla tkellmet ukoll dwar l-isifidi ewlenin li t-trabi u l-ommijiet jaffaċċjaw f’dawn iż-żminijiet delikati.
Qalet, “L-isfidi jkunu varji kemm fil-baby u kemm fl-omm ġieli jkollna baby li jdum biex jitgħallem jixrob u jkollna oħrajn min-naħa tal-omm ma tkunx tista’ tredda jew biex issib x’għandha tagħmel, ġieli jkunu tfal naqra reqdin ma jkunux iridu jqumu biex jixorbu dawn l-sifidi tal-bidu li nkunu nistgħu ninnutawhom.”