Fiċ-ċentru Laburista tal-Birgu qal li tajjeb li dejjem infakkru minn fejn telaq dan il-Gvern. Mhux ħamsin jew tletin sena ilu, imma biss tliet snin. Qgħad li kien qed jiżdied, defiċit splodut, denn ogħla minn kemm jippermettu regoli Ewropej, kontijiet għolja, taxxi tal-income għoljin, ebda għajnuna għal min jibda l-ħajja mas-sieħeb jew sieħba, ebda għajnuna għal min ikun fuq il-paga minima, pensjonanti bla żieda għal kwart ta’ seklu, ekonomija staġnata, u sitwazzjoni fejn in-nies kienu qed jaqtgħu qalbhom.
Il-Gvern qal li se jbiddel direzzjoni, avolja kien hemm min qal li ma kien jista’ jsir xejn aħjar. “Riedu jġiegħluna nemmnu li l-mejokrità hija xi ħaġa li rridu ngħixu biha” fakkar il-Prim Ministru. Il-Partit Laburista talab il-fiduċja tal-poplu, biex dan il-pajjiż żgħir ikun ħafna aħjar milli ħafna nies kienu jaħsbu.
Dan il-Gvern telaq bi pjan biex l-ewwel jistabilizza l-ekonomija. “Jekk ma jkollokx ekonomija li trendi, l-affarijiet li ħabbarna din il-ġimgħa qatt ma setgħu jsiru”. Dan il-Gvern l-ewwel poġġa s-sisien fis-sod, u issa jista’ jibda iqassam mill-frott. Jista’ jibda jaħseb f’dawk l-aktar li għandhom bżonn.
B’differenza mill-Gvern ta’ qabel, fakkar Joseph Muscat, “ma ħadna lil ħadd, u tajna lil kulħadd”. Dan il-Gvern ilu mill-ewwel budget jagħti biss, mingħajr ma’ ħa xejn lill-poplu. Dan il-Gvern qed jagħti liż-żgħir, isostni lil tan-nofs, u lil kbir ma’ jieħodlu xejn – għalhekk huwa Gvern pro-business.
“Issa l-frotta li ġbarna qed inqassmuha, u l-ewwel ma ħsibna fiż-żgħir nett” qal Joseph Muscat, filwaqt li ġab eżempji b’dawk li qedin bil-paga minima, li se jaraw żidiet fil-ġimgħa. Dan huwa piż li se jerfa’ l-Gvern biex ma jxekkilx lin-negozju li jkompli jikber. Madanakollu wasal iż-żmien li min iħaddem u l-unions jiddiskutu kemm il-paga minima għadha adegwata. “Aħna ħa nieħdu r-responsabiltà li xorta ngħinu” qal il-Prim Ministru, sakemm jinlaħaq ftehim dwar dan.
Miżura oħra fil-baġit, qal il-Prim Ministru, hija t-tneħħija tal-prekarjat minn mal-Gvern. Issa jmiss ftehim mal-imsieħba soċjali biex anke fis-settur privat, biex min jagħmel l-istess xogħol, jieħu l-istess paga.
Il-Prim Minsitru fakkar fl-anzjani u l-pesjonanti, li għat-tieni sena konsekuttiva, żdiedulhom il-pensjonijiet. Fosthom semma pensjonanti miżżewġin li qedin fuq il-pensjoni minima. “Nixtieq inħassar totalment l-argument li l-middle class ġew minsija fil-budget” qal Joseph Muscat. Bħala eżempju qal li issa pensjonant li għandu sal-massimu tal-pensjoni tal-bolla (jiġifieri sa €13,000) mhux se jħallas taxxa fuqhom – jiġifieri jiffranka €585 f’taxxa fuq il-pensjoni.
Settur ieħor li semma l-Prim Ministru huwa min m’għandux unjin jaqbeż għalih. Min qiegħed id-dar jieħu ħsieb lill-ommu jew missieru jew xi ħadd fil-familja b’diżabiltà. “Għandhom lilna dawk in-nies” sostna Joseph Muscat, filwaqt li qal li dawn ħadu żieda ta’ €35 fil-ġimgħa, u tneħħa l-means test biex dawn in-nies ikollhom dritt jingħataw l-għajnuna anke jekk ikkun faddlu xi ħaġa tal-flus.
Esprima sofisfazzjon għall-biddla fil-qasam tad-diżabiltà. Hawn qal li l-ispirazzjoni ta’ din ir-riforma ġiet mill-Birgu, minn Nestu Laiviera, li kien inkarigat fi żmien Mintoff biex joħroġ nies minn diżabiltà mill-kantina. “Il-Gvern beda jerfa’ r-responsabiltà li jgħin li dawn il-familji”. Dan il-Gvern ħalla l-benefiċċju lil min ikun b’diżabiltà u joħroġ jaħdem, u min ma jimpjegax lill-persuni b’diżabiltà skont il-liġi, irid iħallas biex imbagħad jgħinhom il-Gvern. Issa kien wasal għall-pass li jmiss, li jingħataw l-għajnuna dawk il-persuni li ma jistgħux joħorġu jaħdmu minħabba impedimenti kbar ħafna. Dawn il-persuni issa għandhom pensjoni daqs il-paga minima nazzjonali.
Il-Prim Ministru temm jgħid li tkellem biss dwar numru żgħir ta’ miżuri soċjali li juru li dan huwa baġit ta’ pjan, ta’ Gvern b’viżjoni. “Irridu li Malta tkun suċċess biex kulħadd jimxi ‘l quddiem”.