Fil-logħba tal-ballun, li hija tant magħrufa għall-għaqda li ġġib, sfortunatament ġieli tispiċċa tgħolli rasha l-mibegħda razzjali.
Din l-isfortuna mhix estranja għall-futbol Malti u ġieli jkun hemm inċidenti deplorabbli ta’ dan it-tip.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, Angelo Chetcuti spjega kif l-MFA issa adottat protokoll li se jkun qed jiġġieled din il-mibegħda fl-attivitajiet tal-futbol lokali.
Qal, “Kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin, il-futbol jirrifletti s-soċjetà li ngħixu fiha u allura nistgħu nagħmlu dak li huwa fil-kontroll tagħna u l-aħħar inizjattiva li ħadna għalkemm kienet ilha ġejja b’diskussjonijiet anke mill-istaġun li għadda, hija li daħħalna fir-regolamenti tagħna proċedura li fil-verità teżisti anke fil-futbol Ewropew, fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA.”
Wara diskussjonijiet fil-fora tal-assoċjazzjoni, flimkien ma’ diriġenti mill-klabbs lokali, tfassal protokoll li se jara lill-uffiċjal tal-logħba jissospendi l-logħob għal darba darbtejn, jekk ikun hemm xi inċident ta’ mibegħda razzjali waqt il-logħob.
Chetcuti spjega li f’dawn il-każijiet, il-membri mill-klabbs involuti għandhom jippruvaw iwaqqfu dan l-aġir.
Jekk wara l-ewwel waqfa u anki saħansitra wara li terġa’ titwaqqaf il-logħba għal ftit minuti għat-tieni darba, l-aġir ta’ mibegħda razzjali jibqa’ jippersisti, il-protokoll jista’ jwassal għal miżuri iżjed ħorox.
Spjega, “Bħala l-aħħar resort, xi ħaġa li nittamaw li qatt ma narawha fil-grawnds tagħna, jekk hemm bżonn tiġi abbandunata kompletament il-partita, imbagħad bħalma jiġri diġà, ikun hemm sanzjonijiet dixxiplinarji apparti dak li huwa l-att kriminali ta’ dan it-tip ta’ aġir li imbagħad jieħdu ħsiebu l-Pulizija.”