Darren Bonnici ta’ 39 sena li jgħix l-Isla u Clint Gouder ta’ 32 sena li jgħix Bormla ngħataw sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għall-erba’ snin.
Iż-żewġ imputati tressqu l-Qorti akkużati li fl-24 ta’ Lulju għall-ħabta tal-10:30 ta’ filgħaxija serqu minn dar f’Birżebbuġa.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif huma serqu ammont ta’ ġojjelli u flus kontanti.
Ġie spjegat li l-pulizija waslet għalihom wara analiżi ta’ filmati tal-kameras tas-sigurtà u rnexxilha tiddentifika l-ħallielin.
Fil-Qorti, iż-żewġ akkużati qalu li se jagħtu lura l-ammont ta’ flus li serqu. Hawnhekk il-Qorti ordnat sabiex jagħtu l-ammont €7,000 bejniethom lill-prosekuzzjoni fi żmien sitt xhur.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet li tat din is-sentenza fid-dawl li l-imputati ammettew l-akkużi tagħhom mal-ewwel.