Il-Pulizija Olandiża qed tinvestiga każ li fih twaddab materjal perikoluż fid-dar tal-ġurnalist, Willem Groeneveld.
Il-każ ġara bejn il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis, hekk kif il-ġurnalist u s-sieħba tiegħu semgħu l-ħġieġ tad-dar jitkisser u sabu dan il-materjal li beda jaqbad.
Huma ntebħu mal-ewwel, tfew il-materjal li beda jaqbad u wadbuh ’il barra.
Fi stqarrija mill-Pulizija Olandiża ntqal kif ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ, iżda l-ġurnalist u s-sieħba tiegħu kienu xxukkjati ħafna.
Skont il-midja Olandiża, huwa fatt magħruf li l-ġurnalist Willem Groeneveld kien intimidat diversi drabi oħra.
Dan hekk kif sentejn ilu xi ħadd kien waddab il-ġebel lejn daru.
F’intervista, il-ġimgħa l-oħra l-ġurnalist Olandiż qal li meta jkun miexi fit-triq dejjem iħares warajh.
Dan l-attakk li seta’ kien wieħed fatali seħħ xahar wara li ġew sparati tiri lejn il-ġurnalist investigattiv Olandiż, Peter De Vries.
Dawn it-tiri waslu biex De Vries miet ftit jiem wara fl-isptar.