Clint Zammit ta’ tnejn u tletin sena weħel erba’ snin ħabs wara li seraq minn ħanut tal-Convenience ta’ Tas-Sliema u l-Gżira.
Huwa ammetta li seraq flus kontanti, żamm impjegati kontra r-rieda tagħhom u li heddidhom b’sikkina.
L-ewwel serqa seħħet fid-19 ta’ Jannar fil-ħanut li jinsab fi Triq Nazju Ellul fil-Gżira, filwaqt li s-serqa l-oħra seħħet l-għada filgħodu, fil-ħanut tal-istess kumpanija li jinsab fi Triq Mrabat f’Tas-Sliema.
Hawn hekk inżammu żewġ ħaddiema nisa kontra l-volontà tagħhom.
Zammit instab ħati wkoll li huwa riċediv, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.
Il-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkunsidrat il-fedina penali tal-akkużat, u l-fatt li huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.