Erbat irġiel ġew arrestati b’rabta ma’ sejba kbira ta’ droga suspettata kannabis li l-valur tagħha fis-suq hu stmat li jaqbeż iż-żewġ miljun u nofs ewro.
Din il-qabda ta’ 136kg, li hija l-akbar waħda li għamlet il-Pulizija Maltija matul din is-sena seħħ wara jiem ta’ osservazzjoni li wettqu l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
Tard nhar it-Tlieta waranofsinhar, il-pulizija segwew vann li kien qed jinstaq lejn il-Qasam Industrijali ta’ Burmarrad.
Hemmhekk, il-vann daħal f’garaxx u f’dan il-mument il-pulizija ċċirkondaw il-post u daħlu.
Kien hawnhekk li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kkonfermaw l-investigazzjonijiet, fejn instab ammont kbir ta’ laned taż-żebbuġ, li moħbijin fihom instabet id-droga kannabis.
Mill-garaxx ġew arrestati żewġt irġiel Maltin, wieħed ta’ 30 sena minn San Ġwann u l-ieħor ta’ 26 sena mill-Ħamrun.
Sussegwentement ġew arrestati żewġt irġiel oħra, Malti ta’ 26 sena minn Pembroke u Ingliż ta’ 43 sena minn San Ġiljan.
Mill-garaxx ġie elevat apparat biex il-kannabis tiġi ppakkjata u ssiġġillata fil-boroż, ammonti żgħar ta’ droga suspettata kokaina, ecstasy u amfetamina, flimkien ma’ arma tan-nar u munizzjon kif ukoll ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
L-irġiel qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana.
Huma mistennija jitressqu l-Qorti għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo.
Huma se jkunu akkużati b’assoċjazzjoni fit-traffikar u pussess ta’ droga mhux għall-użu personali, fost oħrajn.
Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.