Fi tmiem il-ġimgħa, li kien mill-aktar bieżel minħabba l-festa ta’ Santa Marija qasmu sebat elef, ħames mija u disgħa u erbgħin passiġġier bis-servizz tal-fast ferry taż-żewġ kumpaniji.
Dan skont ċifri uffiċjali li kiseb ONE News f’dan l-ewwel sajf mindu beda jaħdem dan is-servizz mill-Port ta’ Liesse fil-Belt għall-Port tal-Imġarr f’Għawdex.
Dan it-tmiem il-ġimgħa li għadda kien wieħed mill-aktar jiem bieżla fil-gżira tat-tliet għoljiet, hekk kif anke dawk li qasmu l-fliegu bil-vapur ta’ Għawdex żdiedu mis-sena l-oħra.
Fil-jiem ta’ Santa Marija qasmu l-fliegu bil-vapur ta’ Għawdex, aktar minn tlieta u sebgħin elf passigier, żieda ta’ kważi wieħed punt sebgħa fil-mija meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Meta tgħaqqad dawk li qasmu bil-vapur ta’ Għawdex u dawk bil-Fast Ferry tul il-festi ta’ Santa Marija kien hemm total ta’ tmenin elf, tmien mija u tnax-il passiġġier.
Is-servizz tal-Fast Ferry bed fil-bidu ta’ Ġunju li għadda, biex jagħti konnettività aħjar bejn il-Belt u l-gżira Għawdxija, hekk kif tista’ tivvjaġġa f’inqas minn tliet kwarti.