Il-mexxejja Talibani li kienu eżiljati fil-Qatar qed jirritornaw lejn l-Afganistan.
Dan hekk kif it-Talibani ħadu l-poter tal-pajjiż wara 20 sena mindu kienu fit-tmexxija.
Qed ikun irrappurtat ukoll li l-mexxej tat-Taliban, Mullah Abdul Ghani Baradar u mexxejja oħra huma mistennija li jaslu fil-kapitali Kabul illum jew għada.
Baradar huwa wieħed mill-membri fundaturi tat-Taliban u kien inqabad waqt operazzjoni bejn l-Amerikani u l-Pakistan fl-2010.
Intant skont il-midja internazzjonali, sa issa, ġew evakwati aktar minn 2,200 uffiċjal u ċittadini oħra Afgani.
Uffiċjal tas-sigurtà qal kif qed jaħdmu qatigħ sabiex l-evakwazzjonijiet minn ġewwa l-Afganistan ikomplu b’ritmu mgħaġġel.
Intqal kif ħafna minn dawn l-uffiċjali huma diplomatiċi u ħaddiema li kienu jaħdmu fl-ambaxxati fl-Afganistan.