Il-Pulizija arrestat raġel b’rabta ma’ allegat attentat ta’ qtil ta’ raġel Ingliż f’Tas-Sliema.
Fi stqarrija t-Tlieta filgħodu, il-Pulizija spjegat li l-arrest sar il-Ħadd għall-ħabta tat-8:30 ta’ filgħaxija fl-inħawi ta’ Qui-Si-Sana.
Il-Pulizija wettqet tfittxija fuq ir-raġel li huwa li Libjan ta’ 37 sena fejn fuqu instab mus u kif ukoll numru ta’ pakketti żgħar b’sustanza suspettata droga kokaina. Dan filwaqt li saret ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu u nstabet aktar sustanza allegatament kokaina, ecstasy u kannabis, f’ċirkostanza li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
Ir-raġel ġie arrestat b’rabta mal-każ li seħħ fis-6 ta’ Awwissu li għadda fejn kmieni filgħodu Ingliż ta’ 21 sena li joqgħod Birkirkara allegatament qala daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta waqt argument fl-inħawi ta’ Tignè, Tas-Sliema.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta ta’ 12:00pm, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella.