“Kull darba li jirreferi għall-passat tiegħu, il-Partit Nazzjonalista juri kemm huwa ddisprat u jipprova jżomm mal-aħħar biċċiet ta’ relevanza li jħaddan.”
Kien b’dan il-mod skjett li l-opinjonista Stephen Calleja beda artiklu fuq l-Independent.
Artiklu li jinnota kif il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech baqa’ ma tgħallimx minn żbalji riċenti u jirreferi għall-passat tiegħu minflok ifassal il-futur aħjar.
Fl-artiklu tiegħu Calleja jagħmel aċċenn għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fl-aħħar Kunsill Ġenerali, fejn irrefera għaż-żminijiet ta’ 30 sena ilu. Hawnhekk Callejja jgħid kif din minnha nnifisha tagħti l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista qed ibati biex jimxi ’l quddiem.
Hawnhekk fil-fatt jirreferi għall-ġlied intern li għadu qed jikkaratterizza l-Partit Nazzjonalista. Dwar l-aħħar tentattivi biex Adrian Delia jitqaċċat mill-Partit Nazzjonalista, Calleja jsostni li l-ġlied intern baqa’ jiddomina minkejja bidla fit-tmexxija.
Jispjega kif l-elettorat normalment qatt ma jafda Partit maqsum b’biċċtejn jew iktar.
Calleja jitkellem ukoll dwar il-ħila tal-Partit Nazzjonalista li jattira wċuh ġodda fi ħdanu.
Hawnhekk isemmi li l-Partit Nazzjonalista għadu ddominat minn kandidati li kienu Ministri u Segretarji Parlamentari sfiduċjati mill-poplu tmien snin ilu.
Fil-fatt dwar dan Calleja jgħid li l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma għamilx bidla ġenerazzjonali fi ħdanu.
L-opinjonista jikkonkludi billi wkoll jikkritika l-istrateġija tal-komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista hekk kif skontu l-messaġġ mid-Dar Ċentrali għall-elettorat mhux jasal.