Żewġ nisa ndarbu, waħda gravi u oħra b’mod ħafif, f’inċident tat-traffiku f’Santa Venera.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tat-tmienja u kwart ta’ filgħodu fi Triq Misraħ il-Barrieri, Santa Venera.
Il-Pulizija marret fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn Nissan Qashqai, misjuqa minn mara ta’ 44 sena residenti l-Għargħur, u Nissan Juke, misjuqa minn mara ta’ 36 sena residenti Birkirkara.
Tim mediku ta l-assistenza liż-żewġ xufiera u ambulanza ħadithom l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, il-mara ta’ 36 sena kienet iċċertifikata bi ġrieħi gravi, filwaqt li l-oħra ġiet iċċertifikata li qegħda ssofri ġrieħi ħfief.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.