Tfajla ta’ sittax-il sena mil-Lvant Nofsani ingħatat sentenza ta’ xahrejn priġunerija sospiżi għal tmien xhur, wara li ammettiet li kellha fil-pussess tagħha passaport Daniż li kien misruq.
Fil-Qorti nstema’ kif it-tfajla ħarbet minn pajjiżha wara li grupp li kienet tifforma parti minnu sparixxa.
L-Ispettur sostna li dan huwa każ ġenwin fejn it-tfajla hija vulnerabbli.
Instema’ kif it-tfajla ġiet arrestata fl-ajruport b’passaport li kien irrappurtat misruq.
Id-difiża u l-prosekuzzjoni qablu li f’dan il-każ, priġunerija effettiva mhix sentenza ideali, u d-difiża nfurmat lill-Qorti li t-tfajla se tkun qed tapplika għall-ażil minnufih.
Hawn intqal kif it-tfajla lanqas kienet taf f’liem pajjiż tinsab, u fil-fatt hija staqsiet fejn kienet tinsab meta ġiet arrestata.
Il-Maġistrat assigurat lill-imputata li m’hemmx raġuni ta’ biża’, u li l-awtoritajiet qieħdin jieħdu ħsiebha.
Il-Qorti ordnat li isem l-akkużata u anke pajjiżha, ma jixxandrux mill-midja, hekk kif hija għadha minuri u kien hemm raġunijiet partikolari wara t-tluq tagħha minn pajjiżha.