Id-Djoċesi Għawdxija se tara tibdil f’diversi rwoli fi ħdana, fosthom fit-tmexxija ta’ xi parroċċi u anke karigi oħra pastorali.
Dan propju tħabbar kważi sena wara l-ordinazzjoni Episkopali ta’ Monsinjur Anton Teuma bħala l-Isqof t’Għawdex.
Monsinjur Eddie Zammit mix-Xewkija u li kien meqjus bħala l-id il-leminija ta’ Mons Mario Grech, illum Kardinal, se jkun qed jokkupa l-kariga prominenti fil-Kurja tat-tliet għoljiet, dik ta’ Kanċiellier. Filwaqt li l-Kanonku Joseph Zammit mir-Rabat se jinħatar Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Ekkleżjastiku.
Hija prassi li Isqof ġdid jagħmel tibdiliet ġodda ta’ min u kif jitmexxew il-parroċċi. Kien għalhekk li tliet komunitajiet parrokkjali se jkollhom rgħajja ġodda fil-bidu tas-sena Pastrolari li ġejja.
L-Isqof Teuma se jaħatar lill-Kanonku Anton Refalo Rapa bħala Kappillan fil-Munxar, lil Dun Dominic Sultana Kappillan tal-Għasri u lil Monsinjur Edward Xuereb Arċipriet tal-Knisja tal-Qala.
Fi stqarrija maħruġa mid-Djoċesi Għawdxija, intqal kif minħabba esiġenzi pastorali f’dawn ix-xhur bdew jew se jibdew il-missjoni tagħhom bosta retturi f’kappelli jew knejjes.
Fost l-irħula u parroċċi hemm in-Nażżarenu fix-Xagħra, il-Komunità tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Komunità u l-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, il-Komunità ta’ Santa Luċija u r-Rettur tal-Knisja tal-Madonna ta’ Pompei.
Kollox juri wkoll kif l-Isqof t’Għawdex għażel bosta saċerdoti żgħażagħ sabiex jassistu fil-parroċċi bħala Vigarji u kollaboraturi Parrokkjali.
Tliet qassisin oħra se jaraw il-ħidma pastorali tagħhom fl-iskejjel Primarji, Sekondarji u Post-Sekondarji f’din il-gżira.
Dawn il-ministeri ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex se jidħlu fis-seħħ nhar it-Tlieta 14 ta’ Settembru, il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes.
L-istqarrija mid-Djoċesi appellat lill-komunitajiet kollha sabiex matul dawn il-ġimgħat isir mument ta’ talb kemm fil-parroċċi u kemm fil-familji għal dawn is-saċerdoti.