Fin-nuqqas tal-morning after pill, hemm tobba prattikanti li jużaw id-dritt tagħhom li jużaw prodotti ‘off label’, jiġifieri prodott kontraċettiv awtorizzat għal użu ieħor. “Min ma jaċċettax dan il-fatt mhuwiex sinċier” sostna l-Professur Anthony Serracino Inglott.
Minkejja li professjonalment ma jaqbilx, stqarr Serracino Inglott, l-użu tal-prodotti ‘off label‘ jista’ jkollu l-effetti ta’ abort- huwa f’dan il-kuntest li qal li f’Malta hawn tobba li qed jgħinu nisa jagħmlu abort.
Għalhekk reġa’ saħaq li l-kontraċezzjoni t’emerġenza tnaqqas l-abort għax l-istatistika turi li numru ta’ Maltin imorru barra minn pajjiżna biex jagħmlu l-abort. Kemm-il darba tittieħed l-MAP fiż-żmien effettiv dawn l-aborti jkunu evitati.
Serracino Inglott iddikjara li m’għandu l-ebda kunflitt t’interess u lanqas m’għandhom id-diretturi. Fakkar li dan il-prodott daħal fl-Ewropa kollha u żgur li ma jfissirx li kien hemm kunflitt f’kull pajjiż.
Fiehem li meta waqt il-programm Dissett saħaq li hawn domanda għall-morning after pill u li se tkun disponibbli fil-maġġoranza tal-ispiżeriji, kien qed jirreferi għall-informazzjoni li saret minn studju privat u li nqasmet mal-awtorità b’mod volontarju.
Mingħajr ma jitfa’ dell ikrah fuq il-MAM qal li din l-informazzjoni mhux talli ma kinitx kummerċjalment sensittiva, iżda jemmen li din kienet informazzjoni neċessarja.
Il-Professur tenna li l-Awtorità Maltija għall-Mediċini hija trasparenti, bil-klijent fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni. Fid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-kontraċezzjoni t’Emerġenza, il-prinċipju tal-effikaċja kienet determinanti għaliex il-prodott jiddependi ħafna mill-ħin li jittieħed u l-bżonn ta’ preskrizzjoni ittellef minn dan.
Meta wasal il-ħin li tittieħed id-deċiżjoni l-Awtorità kellmet lill-politici, lil-leġislaturi, u saħansitra l-Knisja iżda kien impossibbli li jikkuntattjaw lil kulħadd iżda l-Awtorità kienet miftuħa li tilqa’ l-opinjonijiet ta’ kulħadd. Pubblikament stieden lill-MAM javviċinaw l-Awtorità bit-tħassib tagħhom.
Stqarr li fil-passat ħadmu u ddiskutew mal-assoċjazzjoni fuq diversi suġġetti għalhekk kif qatt ma kien hemm problemi fil-passat m’għandux ikun hemm issa.
L-Awtorità mhux tikkunsidra li ddaħħal fis-suq l-ebda prodott li għandu effetti abortivi. Saħaq li huma biss tnejn il-prodotti li se jitħallew jidħlu fis-suq Malti u li huma ċċertifikati li mhumiex ‘abortifacent’.