Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b’xogħlijiet f’Palazzo Xara tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam A.D. 1860. Dan hekk kif dan id-dipartiment beda jwettaq xogħol ta’ manutenzjoni, manifattura u twaħħil ta’ aperturi fil-Każin tal-banda. Inħarġet ukoll sejħa għall-offerti biex isir ir-restawr tal-faċċata ta’ dan il-Palazz fi triq Prinċipali tar-Rabat.
Il-President tal-għaqda mużikali Carmelo Farrugia spjega kif dan ix-xogħol kien ilu mistenni minħabba l-istat li fiha kienu spiċċaw l-aperturi, tant li kienu wkoll ta’ periklu għall-membri tas-soċjetà. Huwa spjega kif mingħajr l-għajnuna tal-Gvern dawn ix-xogħlijiet ma kinux ikunu possibli.
Farrugia stqarr: “Żgur li aħna qatt ma stajna noħorġu dawn is-somom għal dan ix-xogħol kollu. Biex ngħidu hekk huwa investiment ukoll fil-prodott turistiku nazzjonali.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega kif id-dipartiment tax-xogħlijiet Pubbliċi fl-aħħar snin serva sabiex isiru dawn l-investimenti massiċċi f’dawn l-ispazji mfittxija f’kull belt jew raħal.
Il-Ministru Ian Borg qal, “Dan huwa palazz mill-isbaħ li llum jospita l-każin, is-Soċjetà Mużikali. Pero huwa fl-obbligu tagħna li ngħinu ħalli jerġa’ jingħata l-glorja li jixraqlu speċjalment meta wieħed iħares lejn din il-faċċata mill-isbaħ illi ssibha fit-toroq dojoq tar-Rabat.”