Is-Santwarju tal-Madonna ta’ Atoċja jew tas-Samra fil-Ħamrun hu tempju ta’ kult Marjan fost l-ewlenin fl-istorja tal-Knisja Universali u fi ġrajjiet l-umanità għaliex beda f’Antjokja, illum provinċja tat-Turkija, fil-qedem il-kapitali tas-Sirja.
F’din il-Knisja fl-ogħla parti tal-Ħamrun, li kienu qabel isejħulha ta’ Braxia, insibu l-inkwatru ta’ Santa Marija b’karnaġġjon skur.
Mhux ta’ b’xejn kienu jgħidulha tas-Samra.
Il-Professur Raymond Mangion, li rriċerka ħafna dwar dan qalilna kif dan il-kult kien popolari: “Din kienet oriġinat propju fis-Sirja, imnejn imbagħad sabet ruħha Spanja, il-kult tagħha sar wieħed jekk mhux l-iktar popolari fost is-slaten u l-irġejjen ta’ Spanja.”
Fis-Santwarju li oriġinarjment il-Knisja kienet iddedikata lil San Nikola ta’ Bari u fiha hemm l-istatwa ta’ Santa Marija xogħol l-artist rinomat Ġilormu Dingli, il-Professur Mangion spjega li kien San Pietru li minn Antjokja ħa x-xbieha tal-Madonna lejn Spanja.
L-Ispanjoli bdew isejħulha Atoċja u saħansitra l-kult infirex fl-Amerka Latina u anki ta’ fuq.
Xambekk li kien għereq fil-fliegu miftuħ ta’ bejn Florida u Havana kellu wkoll din ix-xbieha Biżantina.
Prof. Mangion kompla jispjegalna: “U jekk tara fost l-immaġni li hemm anki ta’ dan il-ġifen kbir fil-pruwa tiegħu hemm ix-xbieha tal-Madonna tas-Samra li għandna kopja tagħha hawnhekk.”
F’din il-Knisja f’Malta, fejn minħabba li kellha l-kult Biżantin, il-Knisja Kattolika Rumana mhux dejjem tatha l-importanza li jixirqilha, kien Dun Ġorġ Preca li reġa’ ta l-ħajja lil din il-Knisja.
F’din il-Knisja jidher ukoll fi ħdan il-Madonna, il-Bambin, figura li hija popolari fost it-tfal fid-dinja Spanjola.
Prof. Mangion sostna: “Magħha kellek il-Bambin u dan ukoll beda, il-Bambin mhuwiex ismar, jekk tara l-Bambin huwa wiċċ bajdani u dan ukoll imdawwar ukoll kult importanti fost it-tfal u ż-żgħażagħ mhux biss ta’ Spanja imma fil-kulturi kollha latini u Spanjoli u jgħidulu s-Santo Niño.”
Is-Santo Niño, li f’Malta nsibu għeruq tiegħu anki fil-versi tal-għanja Ninu Ninu tal-Milied, il-figura ta’ dan il-Bambin bħal pupu tidher f’diversi produzzjonijiet popolari.
Mill-film Napoleon Dynamite sa anki vidjo mużikali ta’ Michael Jackson u sitcom li jsemmi ta’ skular li hu, il-Professur Mangion: “Li kien jisimha George Lopez kienet popolarissima fl-Amerka. Fejn dan il-pupu jidher fil-kċina bħala l-mascot tat-tfal f’din is-sitcom tal-familja li tiddomina f’din il-kummiedja televiżiva u mbagħad m’għandniex għalfejn ngħidu f’wieħed mill-videos popolari ħafna ta’ Michael Jackson fejn inti għandek dan is-Santo Niño li jidher fi kwadru fuq is-sodda tiegħu fil-film ta’ dan il-mibki kantant mondjali, li jismu beat it.”
Lura għall-fundazzjonijiet ta’ din il-Knisja tas-Samra, li din l-aħħar waħda għaddew minn fuqha mal-erba’ sekli, iżda l-festa ta’ Santa Marija tiġi ċċelebrata b’devozzjoni liema bħalha, il-koppja li tat ħajja lil Madonna t’Atoċja u lis-Santo Niño, għadha fil-Knisja.